Monday, May 20, 2024

Żewġ immigranti involuti f’rewwixta se jiġu deportati … jeħlu erba’ snin ħabs u mmultati €8,691 kull wieħed

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Joseph Mifsud kellu kliem iebes fil-konfront ta’ żewġ immigranti Eġizzjani li ħadu sehem f’rewwixta li saret fit-12 ta’ Diċembru li għadda fiċ-ċentru ta’ dentenzjoni ta’ Ħal Safi u li wettqu ħsara fl-istess ċentru. Huwa ddikjara li dak li għamlu ma kienx aċċettabbli u li l-Qorti ma tistax ma tibgħatx messaġġ ċar li reati bħal dawn mhumiex aċċettabbli f’demokrazija li titmexxa bis-saltna tad-dritt u mhux bit-tkissir u l-ħruq.

Waqt li sabhom ħatja tal-akkużi kollha għajr għal dik li b’mod volontarju taw in-nar liċ-ċentru, il-Maġistrat Mifsud kkundannahom erba’ snin priġunerija u multa ta’ €8,691 kull wieħed. Il-Qorti ordnat ukoll li wara li l-ħatja jiskontaw is-sentenza ta’ priġunerija, huma jitkeċċew mill-ewwel minn Malta u jkunu ripatrijati l-Eġittu.

Mill-provi mressqa fil-Qorti jirriżulta li Guma Mohamed ta’ 30 sena u Yousef Halef Abdel Hamid ta’ 26 sena, kienu qed jirrisjedu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi għaliex kienu daħlu Malta b’mod illegali. Huma flimkien ma’ oħrajn kienu pprotestaw u minn protesta paċifika spiċċat f’rewwixta.

F’ħin minnhom l-imputati u oħrajn li għaddew proċeduri kriminali separatament minnhom, daħlu ġo waħda mit-tined u taw in-nar fejn saret ħsara li tlaħħaq l-eluf f’sodod u ħwejjeġ oħra li kien hemm fit-tinda. Din it-tinda kienet takkomoda għadd ta’ immigranti iżda ma rriżulta li dak il-ħin kien hemm xi ħadd. 

F’dan il-każ irriżulta li l-imputati għalkemm meta tressqu l-Qorti, n-nazzjonalità tagħhom intqal li huma Palestinjan u Libjan waqt il-mori tal-kawża rriżulta li huma Eġizzjani. L-imputati għażlu li ma jixhdux f’dawn il-proċeduri.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud innota kif l-imputati mhux biss kienu Malta llegalment u ma qalux il-verità min fejn kienu ġew, iżda flok imxew ma’ dak li jipprovdu l-liġijiet ta’ pajjiżna biex wieħed jingħata xi forma ta’ protezzjoni għażlu t-triq tal-vjolenza fejn kienu kompliċi li jagħtu n-nar il-post fejn kienu qed jgħixu fih, b’periklu għal sħabhom u għal dawk kollha li jaħdmu hemm. 

Kien hawn fejn sostna li l-aġir tagħhom ma kienx wieħed aċċettabbli u min jipprova jiġġustifika b’xi mod l-aġir tagħhom ikun qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-istess persuni li jiddeċiedu li jipprotestaw b’dan il-mod għaliex ikollhom jiskontaw sentenzi twal ta’ priġunerija kif tipprovdi l-liġi.

“Kull min talab protezzjoni f’pajjiżna u kellu raġuni valida, din dejjem ingħatat anke jekk il-proċess kultant jieħu fit-tul minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni mill-istess persuni meta jaħbu l-identità tagħhom jew minn fejn ikunu ġejjin,” żied jgħid il-Maġistrat Mifsud waqt li kkundanna liż-żewġ immigranti erba’ snin priġunerija kull wieħed.

Barra minn hekk, il-Qorti kkundannat lil kull wieħed mill-ħatja €8,691 f’danni għal sehemhom tal-ħsara li kienet kaġunata minnhom flimkien ma’ tmien persuni oħra, liema ħsara kienet tammonta għal €86,914.69ċ.

Fl-istess waqt ordnat lill-Uffiċjal Ewlieni għall-Immigrazzjoni li b’koordinament mad-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin x’ħin l-imputat jiskontaw is-sentenza ta’ priġunerija jitkeċċew mill-ewwel min Malta u jkunu ripatrijati l-Eġittu fejn iddikjaraw li jgħixu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.

Sport