Sunday, November 24, 2024

Żewġ operaturi se jiġu rilokati għat-twettiq tal-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far

Aqra wkoll

Se jiġu rilokati żewġ operaturi fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far li l-post li jokkupaw bħalissa huwa parti mill-proġett tat-trakka tal-karozzi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, fl-aħħar jiem żaru s-sit fejn se jiġu rilokati iż-żewġ operaturi, Attrans u White Brothers, fejn it-tindif mill-INDIS miexi ġmielu.

Dan is-sit, li fih madwar 27,000 metru kwadru, huwa kruċjali għal dawn iż-żewġ kumpaniji li t-tnejn li huma joperaw fil-qasam tat-trasport u l-loġistika, u għalhekk kien importanti ferm għalihom li l-art fejn qed jiġu rilokati tkun f’din l-istess żona. Dan il-proċess ta’ rilokazzjoni jiżgura tranżizzjoni bla xkiel tal-operazzjonijiet għaż-żewġ operaturi.

Għaldaqstant, din l-inizjattiva se twassal sabiex ikun hemm aktar spazju għall-iżvilupp tal-Kumpless tal-Motorsport, li se tkun l-aqwa faċilità tat-tip tagħha fil-Mediterran.

Il-Ministru Clifton Grima spjega l-ħidma li qed issir ma’ entitajiet differenti. “Ix-xogħol fuq it-trakka tal-karozzi miexi b’pass spedit u allura biex nassiguraw li nilħqu l-miri tagħna, huwa kruċjali li naħdmu ma’ diversi entitajiet oħrajn li għandhom kontribut importanti x’jagħtu. Fost dawn hemm persuni li għandhom art li trid tgħaddi għand SportMalta biex ikunu żviluppati f’dak li se jkun iċ-ċirkwit it-trakka. Din l-art hija għalhekk parti importanti minn dak li se jkun il-Kumpless Sportiv għal dawk li għandhom għal qalbhom dan l-isport f’pajjiżna.”

Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lill-INDIS li qed imexxu din ir-rilokazzjoni. “Dan huwa proġett li fih fhimna l-importanza tal-proġett tat-trakka tal-karozzi, iżda wkoll l-operaturi privati. Bix-xogħol tal-INDIS qegħdin naslu aktar viċin il-ħolma tat-trakka u fl-istess ħin naraw li l-operaturi li se jiġu rilokati jagħmlu dan bl-inqas inkonvenjent possibbli, biex l-operat tagħhom ikun jista’ jkompli jimxi b’mod kostanti matul it-transizzjoni.” Huwa kompla li l-proċess ta’ tindif kien jinvolvi madwar 1,500 trakk ta’ terrapien, li sewa madwar miljun u nofs ewro.

Il-President tal-Malta Motorsport Federation Duncan Micallef qal, “Bħala federazzjoni aħna responsabbli għal kull dilettant tal-karozzi li hawn f’Malta, u kulħadd jaf li ilna naħdmu għal dawn l-aħħar tliet snin fuq dan il-proġett li qed isir f’Ħal Far. Illum qed naraw għaddej tindif li huwa parti mill-proġett, fejn se jkunu allokati entitajiet. Dan ifisser li l-gvern qed jagħti l-appoġġ kollu lil dan il-proġett, li għalih qed naħdmu id f’id. Dan it-tindif mhux l-ewwel pass, għaliex diġà sar ħafna xogħol, kif se jkompli għaddej fiż-żmien li ġej”.

Dan ix-xogħol qed jikkumplimenta xogħol ieħor li qed jiffoka fuq it-trakka tad-Drag Racing b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha. L-ewwel fażi tat-trakka tal-Motorsport se tara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-Drag Racing, li se jwassal biex din il-faċilità issa tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika (FIA) u b’hekk tidħol b’mod uffiċjali fil-kalendarju tal-FIA. Għalhekk, b’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-Drag Racing.

Sport