Tuesday, December 24, 2024

Żewġ persuni nqabdu fil-fatt jisirqu f’Bormla

Aqra wkoll

Żewġ persuni nqabdu fil-fatt jisirqu minn stabbiliment fi Triq San Franġisk, f’Bormla wara li ntlemħu f’movumenti suspettużi għall-ħabta tas-2:00 a.m.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u kif waslu quddiem l-istabbiliment, innutaw li l-katnazz kien imkisser. Għalhekk, il-Pulizija ħadu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u malli daħlu ġewwa, ġew wiċċ imb wiċċ ma’ raġel u mara li kellhom wiċċhom mgħammad u b’xi għodda f’idhom.

Huma ġew arrestati minnufih u minn tfittxija li saret fuqhom, instabu fil-pussess ta’ mus, torch u flus kontanti, fost affarijiet oħra.

Waqt l-istħarriġ li sar fuq il-post, il-Pulizija sabet ukoll vettura li kienu qed jagħmlu użu minnha, ipparkjata fi Triq it-Tlett Ibliet. Mill-vettura ġew elevati xi lievi.

L-allegat ħallelin, raġel ta’ 31 sena residenti l-Marsa u mara ta’ 29 sena residenti Ħaż-Żabbar, ittieħdu l-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joe Mifsud li fetaħ inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport