Thursday, March 28, 2024

Żewġ sewwieqa involuti f’inċident li fih miet raġel ħatja ta’ sewqan traskurat

Il-Qorti tal-Appell issib wieħed minnhom ħati bi qtil involontarju

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell biddlet sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti tal-Maġistrati lil żewġ sewwieqa li kienu lliberati minn akkuża dwar qtil involontarju. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell sabet ħati ta’ qtil involontarju lil wieħed minnhom u lit-tnejn li huma ħatja ta’ sewqan traskurat. 

Dan l-inċident kien seħħ fl-24 ta’ Jannar tal-2014 fi Triq Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa. Iż-żewġ sewwieqa, James Micallef u Warren Cassar, kienu tressqu l-Qorti mixlija li b’nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti kkaġunaw il-mewt ta’ Philip Christopher Attard Scott u li saqu vetturi b’mod traskurat. 

Huma kienu lliberati mill-akkużi, bl-Avukat Ġenerali jappella mid-deċiżjoni tal-ewwel Qorti fejn talab biex tinstab ħtija fil-konfront taż-żewġt irġiel. 

Mix-xhieda fil-Qorti ħareġ li wara li Cassar laqat lill-vittma u dan kien mal-art, Micallef, qabeż il-vettura li kien qed isuq Cassar u ta’ xi nies oħra u baqa’ għaddej minn fuq il-vittma. Konsegwentement huwa telaq minn fuq il-post tal-inċident u fil-fatt kien instab ħati li naqas milli jibqa’ fuq il-post. 

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li dak li wassal għall-inċident kien in-nuqqas ta’ tħaris tal-liġijiet u regolamenti tat-traffiku min-naħa ta’ Cassar li ma żammx attenzjoni ta’ dak li kien hemm fil-madwar. Il-Qorti nnutat ukoll li t-triq kienet mudlama b’xita nieżla qliel.

“Warren Cassar kellu d-dmir li joqgħod attent ghal dak kollu li kien fil-madwar u mhux isuq b’veloċità ta’ 40km/fs. Huwa jghid meta xehed fl-inkjesta li ra lil vittma taqsam minn bejn żewġ vetturi iżda ma laħaqx ibbrejkja. Dan ifisser li kieku Cassar kien miexi bi speed aktar idoneu għaċ-ċirkostanzi ta’ dak il-jum li kien ikollu żmien jieqaf qabel u jevita l-inċident li seħħ,” qalet l-Imħallef Scerri Herrera

Hija qalet li minkejja li jista’ jagħti l-każ li dak li kien qed jaqsam it-triq kellu xi forma ta’ kontributorjetà u dan għaliex messu stess li t-triq tkun mingħajr vetturi qabel ma jiddeċiedi li jaqsam xorta dan il-fatt ma jeżonerax lil Cassar mis-sewqan traskurat tiegħu. 

Kien għalhekk li laqgħet l-appell tal-AĠ fil-konfront ta’ Warren Cassar. Dejjem fir-rigward tal-ewwel akkuża minkejja li James Micallef kien traskurat fis-sewqan tiegħu ma jistax jingħad li għandu jinżamm responsabbli għall-qtil involontarju ta’ Attard Scott. 

Dan għaliex mill-eżamijiet mediċi li nżammu ma jidhirx li kien hemm xi crush injuries u fil-fatt skont l-espert u l-patoloġisti ma kien hemm l-ebda sinjal mediku li jorbot lill-vittma mal-fatt li Micallef saq għal fuqu għax sinjali ta’ dan ma sabux. 

Finalment il-Qorti qalet li ma kienx hemm dubju li ż-żewġ sewwieqa kienu traskurati fis-sewqan tagħhom. Cassar billi ma żammx attenzjoni adegwata tal-akwati u saq b’veloċità mhux idonea għaċ-ċirkostanzi tant li ma laħaqx żamm brejk biex jevita l-inċident.

Fir-rigward ta’ Micallef iddeċidiet ukoll li dan ma kienx attent għal dak li kien hemm madwar meta ddeċieda li jagħmel manuvra biex jaqbeż karozza meta ma kkunsidrax dak li kien seħħ quddiemu. Fil-fatt anke spiċċa tela’ fuq il-vittma bir-rota ta’ quddiem u ma ndunax li kien saq għal fuq persuna. Għalhekk, il-Qorti tal-Appell sabet ħatja liż-żewġ sewwieqa ta’ sewqan traskurat.

Għall-akkużi misjuba ħatja tagħhom, Warren Cassar kien ikkundannat sena priġunerija sospiżi għal sentejn filwaqt li Micallef kien ikkundannat għal ħlas ta’ multa ta’ €300.

Il-Qorti ssospendiet ukoll il-liċenzja tas-sewqan ta’ Cassar għal tliet xhur u dik ta’ Micallef għal perjodu ta’ xahar.

Ekonomija

Sport