Tuesday, December 17, 2024

Żewġ tankers taż-żejt Russi jinkaljaw fil-Baħar l-Iswed

Aqra wkoll

Żewġ tankers taż-żejt Russi nhar il-Ħadd ġarrbu ħsarat kbar waqt li kienu qed ibaħħru fil-Baħar l-Iswed u kkawżaw tixrid taż-żejt fl-inħawi. Huwa maħsub li ż-żewġ tankers inkaljaw u mill-inqas membru wieħed tal-ekwipaġġ tilef ħajtu.

Filmati maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tat-Trasport tan-Nofsinhar tar-Russja wrew il-pruwa ta’ tanker wieħed kompletament imkissra, bi strixxi ta’ żejt jidhru viżibilment fl-ilma.

L-inċident seħħ fl-Istrett ta’ Kerch, li jifred ir-Russja mill-Krimea – il-peniżola Ukrena li kienet ġiet annessa illegalment minn Moska fl-2014.

F’operazzjoni ta’ salvataġġ li kienet tinvolvi tugboats, ħelikopters u aktar minn 50 uffiċjal tas-salvataġġ ġew salvati 13-il membru tal-ekwipaġġ minn tanker wieħed, qabel ma l-operazzjoni ġiet sospiża minħabba l-maltemp u baħar qawwi.

L-14-il membru tal-ekwipaġġ li fadal abbord it-tieni tanker jingħad li għandhom dak kollu meħtieġ għall-ħajja f’każ ta’ emerġenza, iżda jidher li se jibqgħu fil-periklu li jintilfu sakemm il-kundizzjonijiet jitjiebu.

Il-President Vladimir Putin ordna li jitwaqqaf grupp immexxi mid-Deputat Prim Ministru Vitaly Savelyev biex jinvestiga dwar x’wassal għall-inċident, fl-istess waqt li l-awtoritajiet qed jinvestigaw jekk kienx hemm negliġenza kriminali.

Skont Lloyds List, iż-żewġ bastimenti huma proprjetà tal-kumpanija Volgatanker u kienu relattivament żgħar. Huma kienu qed iġorru madwar 4,300 tunnellata metrika ta’ żejt kull wieħed, skont uffiċjali Russi kkwotati mill-aġenzija tal-aħbarijiet Tass.

Tankers użati għall-kummerċ internazzjonali taż-żejt mhux raffinat Russu ġeneralment għandhom kapaċità ta’ ġarr ferm akbar, ta’ madwar 120,000 tunnellata li jfisser li x’aktarx dawn iż-żewġ tankers intużaw għat-trasport taż-żejt mix-xmajjar tar-Russja jew fl-ibħra kostali.

L-Istrett ta’ Kerch huwa rotta ewlenija għall-esportazzjoni tal-qamħ Russu u jintuża wkoll għall-esportazzjoni ta’ żejt mhux raffinat, żejt tal-fjuwil u gass naturali likwifikat.

Fl-2007, tanker taż-żejt ieħor – Volgoneft-139 – inqasam min-nofs waqt maltempata waqt li kien ankrat ‘l barra mill-Istrett ta’ Kerch, u xerred fil-baħar aktar minn 1,000 tunnellata żejt.

L-importazzjonijiet taż-żejt Russu ġew sanzjonati mill-alleati tal-Ukrajna minn meta l-Kremlin ordna l-invażjoni sħiħa tal-pajjiż fi Frar tal-2022.

F’dawn l-aħħar snin, ir-Russja ġiet akkużata li tuża ‘l hekk imsejħa flotta ‘fittizja’ ta’ tankers, li ħafna drabi huma qodma u miżmuma ħażin u m’għandhomx assigurazzjoni xierqa, biex tevita s-sanzjonijiet tal-Punent. Ma jidhirx iżda li t-tankers involuti fl-inċident tal-Ħadd kienu parti minn dik il-flotta.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport