Żewġ persuni ndarbu f’inċident stradali li seħħ għall-ħabta tad-9:20 a.m fi Triq it-Teatru l-Antik fil-Belt Valletta.
Skont investigazzjonijiet li saru rriżulta li x-xufier tal-vann kien qiegħed iħott xi affarijiet meta għal xi raġuni l-vann beda miexi waħdu, laqat żewġt irġiel u baqa’ dieħel fi scaffolding fl-imsemmija triq.
Fil-post issejjaħ minnufih tim mediku biex jagħti l-ewwel għajnuna liż-żewġt irġiel: anzjan ta’ 75 residenti l-Belt stess u ieħor ta’ 78 residenti l-Furjana. Huma ngħataw l-għajnuna fuq il-post sakemm ittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika. Aktar tard huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
S’issa, il-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.