Sunday, April 14, 2024

Strateġija b’aktar minn 175 inizjattiva bil-għan li jissaħħu s-servizzi finanzjarji

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-MFSAC, nieda l-Istrateġija Nazzjonali tas-Servizzi Finanzjarji li tinkludi aktar minn 175 inizjattiva li ġew imfassla bis-sehem ta’ aktar minn 100 professjonist.

L-għan ta’ din l-istrateġija, li nbdiet mill-Gvern bis-sehem attiv tal-industrija u r-regolaturi, huwa li tara x’azzjonijiet konkreti jistgħu jittieħdu biex jiġu indirizzati opportunitajiet ewlenin u jtaffu n-nuqqasijiet li hemm fis-settur. 

Iż-żmien opportun

Il-President tal-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji, Joseph Zammit Tabona qal li l-MFSAC qed iħoss li hu ż-żmien opportun li pajjiżna jiffoka fuq era ġdida ta’ servizzi finanzjarji megħjuna bit-teknoloġija u li tgħin biex tissaħħaħ mill-ġdid il-preżenza ta’ Malta fis-suq kompetittiv globali. 

Huwa saħaq li din l-istrateġija hija l-frott tal-ħidma kollaborattiva bejn is-settur privat, il-gvern, u l-korpi regolatorj, li ħadmu flimkien biex jidentifikaw bidliet tanġibbli u meħtieġa li għandhom itejbu sew il-prestazzjoni ta’ Malta f’dan is-settur.

Strateġija neċessarja biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv 

Preżenti għat-tnedija ta’ din l-istrateġija kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, li qal li din l-istrateġija hija neċċesarja biex pajjiżna jibqa’ jkun wieħed kompetittiv. Dwar l-istrateġija, il-Ministru Caruana qal li filwaqt li l-gvern qiegħed se jibqa’ joffri l-għajnuna kollha meħtieġa, mhux konċidenza li mhux qed jieħu l-mertu hu b’xi logo tiegħu fuq id-dokument tal-istrateġija. Sostna li din hija xi ħaġa li ġejja mill-industrija u li minnha se tibbenefika l-istess industrija. Huwa żied jgħid li huwa ġust li xi ħaġa bħal din tkun immexxija mill-industrija stess.

Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija Maltija, b’persentaġġ ta’ aktar minn 8 fil-mija tagħha, anke minħabba l-impjiegi u l-ħlas relatat offruti fih. Il-Ministru fakkar li dan il-gvern jemmen fil-konsultazzjoni u pjan fit-tul li fl-aħħar snin komplew wassluh għal aktar suċċessi.

Ekonomija

Sport