Friday, May 3, 2024

Il-FIFA testendi s-sospensjoni ta’ Fabio Paratici madwar id-dinja

Aqra wkoll

Id-direttur maniġerjali ta’ Tottenham, Fabio Paratici, se jkollu  jwarrab mir-rwol attwali tiegħu wara li l-FIFA  estendiet is-sospensjoni inizjali fl-Italja li hija fis-seħħ madwar id-dinja.

Paratici ngħata sospensjoni ta’ 30 xahar f’Jannar wara li l-eks club tiegħu Juventus instab ħati ta’ irregolaritajiet finanzjarji. 

Paratici, 50 sena, serva bħala direttur sportiv u direttur maniġerjali fi Juventus qabel ingħaqad ma’ Tottenham,f’Ġunju 2021.

Kemm Paratici kif ukoll Juventus appellaw mid-deċiżjoni.

Is-sospensjoni inizjali ta’ Paratici kienet tapplika biss għall-football Taljan, jiġifieri, seta’ jkompli jaħdem ma’ Tottenham.

Madankollu, din is-sospensjoni ġiet estiża madwar id-dinja li jfisser li ma jista’ jaħdem ma l-ebda club. 

Din l-aħbar ġiet meta Tottenham qed ifittxu s-suċċessur ta’ Antonio Conte li ftit tal-jiem ilu rriżenja mill-kariga wara qbil reċiproku mad-diretturi tal-club. 

Intant, fi stqarrija l-FIFA qalet li: “tikkonferma li wara talba mill-FA Taljana (FIGC), iċ-chairman tal-kumitat dixxiplinarju tal-FIFA iddeċieda li jestendi s-sanzjonijiet imposti mill-FIGC fuq diversi uffiċjali tal-footbal biex ikollhom effett mad-dinja kollha.”

Il-bord kollu tal-club tas-Serie A, inkluż il-president Andrea Agnelli u l-viċi-president Pavel Nedved, irriżenjaw f’Novembru li għadda hekk kif kompliet l-investigazzjoni tal-pulizija dwar l-attività tat-trasferiment tal-club.

Juventus sussegwentement ġew imnaqqsa 15-il punt mill-FIGC, f’Jannar li għadda. Il-Bianconeri ġew akkużati li rranġaw il-bilanċ tal-kotba finanzjarji bi qligħ artifiċjali mis-swieq tat-trasferimenti. 

Sport