Sunday, November 24, 2024

Żewġt itfal jinqatlu u disgħa’ oħra midruba f’attakk b’sikkina f’Southport

Aqra wkoll

Żewġt itfal inqatlu u disgħa oħra ndarbu, b’sitta minnhom jinsabu fil-periklu tal-mewt, wara attakk b’sikkina f’workshop fejn kien qed isir iż-żfin tat-tfal f’Southport.

Il-Pulizija ta’ Merseyside qalet li żewġ adulti jinsabu f’qagħda kritika wara li qalgħu daqqiet ta’ sikkina waqt li kienu qed jipproteġu lit-tfal fl-avveniment li kellu t-tema ta’ Taylor Swift fi Hart Street f’Southport.

Ġuvni ta’ 17-il sena minn Banks f’Lancashire ġie arrestat fuq suspett ta’ qtil u attentat ta’ qtil.

Il-Pulizija qalet li l-mottiv wara dan l-attakk għadu mhux ċar iżda ma kienx qed jiġi trattat li huwa relatat mat-terroriżmu.

Persuna li kien fuq il-post iddeskriva x-xena tar-reat bħala “orribbli” u qal li qatt ma ra xi ħaġa hekk qabel.

Il-Kap Kuntistabbli Serena Kennedy qalet f’konferenza tal-aħbarijiet li l-uffiċjali li wieġbu għat-telefonati “kienu xxukkjati” meta sabu li bosta nies, li ħafna minnhom kienu tfal, kienu ġew soġġetti għal “attakk feroċi” u sofrew ġrieħi serji.

“Hu mifhum li t-tfal kienu qed jattendu avveniment ta’ Taylor Swift fi skola taż-żfin meta l-allegat aggressur li kien armat b’sikkina daħal fil-post u beda jattakka lit-tfal,” hija żiedet tgħid.

“Aħna nemmnu li l-adulti li weġġgħu kienu qed jipprovaw jipproteġu lit-tfal waqt li dawn kienu qed jiġu attakkati.”

Żiedet tgħid: “Bħala omm ta’ żewġt ibniet u n-nanna ta’ neputi ta’ ħames snin, ma nistax nibda nimmaġina l-uġigħ u t-tbatija li għaddejjin minnhom bħalissa l-familji tal-vittmi u rrid nibagħtilhom il-kondoljanzi sinċiera tagħna.”

Is-Sinjura Kennedy qalet li s-suspettat ta’ 17-il sena, li l-pulizija qalet li twieled f’Cardiff, issa se jkun qed jiġi interrogat.

Il-Pulizija ta’ Merseyside qalet li ma kienet qed tfittex lil ħadd aktar b’rabta mal-attakk u li “l-mottiv għall-inċident għadu mhux ċar.”

Sport