Monday, December 23, 2024

Żgħażagħ bid-Down Syndrome mexxew il-kafetterija tal-ITS għal ġurnata

Aqra wkoll

12-il żagħżugħ u żagħżugħa bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome ħadu f’idejhom it-tmexxija ta’ kafetterija u mexxew u servew għal ġurnata l-klijenti huma. Il-proġett ‘Coffee with a Smile’ kkonsista fit-tmexxija għal ġurnata tal-kafetterija tal-Apron Restaurant, fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi f’Ħal Luqa.

Fost il-klijenti li kellu dan il-grupp kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li filwaqt li awgurat u rringrazzjat lill-parteċipanti f’dan il-proġett, iddeskrivietu bħala “inizjattiva mill-aqwa li tkompli tgħin lil persuni b’diżabilità jnisslu fihom infushom konvinzjoni li anke huma għandhom l-abilitajiet tagħhom. Li anke huma kapaċi jkomplu jmexxu ħajjithom b’ċerta indipendenza. Huwa proġett li jservi biex dawn iż-żgħażagħ juru dan kollu, filwaqt li għandu jservi wkoll biex min iħaddem jifhem u japprezza aktar li anke persuni b’diżabilità għandhom il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom.”

Dawk li pparteċipaw fil-proġett ‘Coffee with a Smile’ huma grupp ta’ ħbieb fi ħdan id-Down Syndrome Association li jsejħu lilhom infushom ‘The Friendship Circle’. Il-grupp ilu jiltaqa’ għal dawn l-aħħar tliet snin u nofs u s-sena li għaddiet ipparteċipaw b’suċċess fi proġett simili.

Il-mira ta’ dan il-grupp, li għall-ewwel tliet snin kien sponsorjat mill-HSBC, hija li jitgħallmu jkunu indipendenti, iħarsu lejn ħiliet għal impjieg u bl-akbar mira tkun li jitgħallmu b’mod informali. Il-proġett huwa kontinwazzjoni għal dan il-għan. Il-proġett ‘Coffee with a Smile’ hu proġett iffinanzjat mill-Iskema Be Active, li tmexxi l-Aġenzija Żgħażagħ ta’ dan il-grupp ta’ żgħażagħ sabiex ikollhom l-opportunità juru l-kapaċitajiet tagħhom.

Ekonomija

Sport