75 żgħażagħ u mexxejja fil-ministeru taż-żgħażagħ minn parroċċi u movimenti tal-Knisja madwar id-djoċesi nġabru għal sagħtejn ta’ talb u dixxerniment waqt l-ewwel Assemblea Djoċesana taż-Żgħażagħ.
Il-Malta Catholic Youth Network organizzat l-attività bi tħejjija għall-Assemblea Djoċesana f’Novembru li ġej.
Immexxija mit-temi prinċipali tal-Pjan Pastorali li qed jiġi implimentat fl-Arċidjoċesi bħalissa, iż-żgħażagħ iddiskutew kif il-komunjoni, il-parteċipazzjoni, u l-missjoni jistgħu jiġu identifikati u msaħħa fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet li jiffurmaw parti minnhom. Dan filwaqt li jkomplu jkunu xhieda tal-valuri u l-messaġġ tal-Evanġelju fis-soċjetà.
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Joseph Galea-Curmi attendew l-attività u semgħu l-kontributi taż-żgħażagħ.
F’messaġġ ta’ inkoraġġiment, tama u emanċipazzjoni, l-isqfijiet stiednu lil dawk kollha preżenti biex ikomplu jippromwovu spazji siguri fejn kull persuna ta’ rieda tajba tista’ tikber. L-Arċisqof Scicluna saħaq fuq l-importanza li wieħed joffri ħbiberiji onesti u inizjattivi sempliċi li jibnu relazzjonijiet b’saħħithom, li hu ddeskriva bħala rimedju tant meħtieġ fid-dinja tal-lum fejn il-bniedem tilef iċ-ċentralità tiegħu u jiġi trattat bħala oġġett li jintuża u jintrema.
L-Isqfijiet ġew ippreżentati wkoll b’ittra minn dawk li pparteċipaw fis-Seminar tal-Plexus, li sar fil-bidu ta’ Ottubru bit-tema ‘Rethinking Spaces’. Is-seminar kien dwar in-newrodiverġenza u r-rwol indispensabbli tal-persuni newrodiverġenti fi ħdan
il-komunità Kattolika.
Il-laqgħa ntemmet b’mument ta’ talb immexxi mill-Arċisqof Scicluna.
