Monday, December 23, 2024

Żieda ta’ 3,358 pensjonant/a li baqgħu fid-dinja tax-xogħol

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin komplew jiżdiedu l-pensjonanti li jagħżlu li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Statistika ppreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana turi li, fl-2021 it-total ta’ persuni li għandhom ‘il fuq minn 63 sena u għadhom jaħdmu kienu jammontaw għal 15,722. Dan kien ifisser żieda ta’ 3,358 pensjonant meta mqabbel mal-2018.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Caruana spjega li mill-2014 ‘il quddiem, is-suq Malti ra żieda ta’ aktar pensjonanti li baqgħu fis-suq tax-xogħol li wassal għal żieda essenzjali fir-rata ta’ xogħol nazzjonali. 

Huwa qal li l-Gvern Malti jirrikonoxxi l-bżonn li l-pensjonanti jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol u kien għalhekk li impjegati — kemm fis-settur privat u dak pubbliku — illum għandhom id-dritt li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw bil-pensjoni, u b’hekk tiżdidilhom ir-rata tal-pensjoni tagħhom skont kemm idumu fl-impjieg qabel jirtiraw. 

“Il-Gvern Malti jemmen li għad hemm il-bżonn li ninvestu fil-pensjonanti tagħna. Jobsplus toffri sapport kontinwu permezz ta’ servizzi ta’ gwida u korsijiet lil kull individwu li jixtieq jidħol fis-suq tax-xogħol jew ikompli bil-karriera tiegħu wara l-irtirar,” kompla jgħid il-Ministru Caruana. 

Sadanittant, fil-Politika Nazzjonali għax-Xogħol 2021-2030, il-Gvern Malti ppropona wkoll li jitfasslu programmi ta’ mentoring minn persuni rtirati għal persuni vulnerabbli. Il-Gvern jemmen li l-pensjonanti għandhom potenzjal kbir, f’termini ta’ ħiliet u għarfien, li jista’ jgħin persuni vulnerabbli u qiegħda biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. 

Apparti minn hekk, il-Gvern se jkompli joffri inċentivi fiskali lil dawk il-pensjonanti li jibqgħu attivi fis-suq lokali wara l-irtirar. F’dan ir-rigward, il-Politika Nazzjonali għax-Xogħol 2021-2030 qed tipproponi li l-qligħ tal-pensjonanti, jiġifieri l-pensjoni u l-qligħ derivat mix-xogħol ma jkunux amalgamati għal skop ta’ taxxa.

Ekonomija

Sport