Friday, November 15, 2024

Żieda ta’ 4.1% fit-turisti li żaru pajjiżna fl-ewwel kwart tas-sena meta mqabbel mal-2019

Aqra wkoll

It-turiżmu lejn pajjiżna rkupra sew tant li l-aħħar statistika turi li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-għadd ta’ turisti li ġew Malta kien akbar minn dawk li ġew fl-ewwel xhur tal-2019, jiġifieri s-sena ta’ qabel il-pandemija. Fil-fatt, l-indikazzjoni hi li fil-perjodu msemmi ż-żieda fit-turiżmu kienet ta’ 4.1% fuq dik li kienet irreġistrat fl-2019. 

Sadanittant, ċifri maħruġa lbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kienu jgħid li r-Renju Uniti, l-Italja u Franza baqgħu l-ogħla tliet pajjiżi Ewropej li minnhom oriġina l-akbar għadd ta’ turisti li żaru pajjiżna matul ix-xahar ta’ Marzu ta’ din is-sena. Fil-fatt, it-tielet xahar ta’ din is-sena ra total ta’ 174,382 viżitaturi f’pajjiżna li bejniethom ħallew fl-ekonomija iktar minn €126.3 miljun ewro.

L-istess ċifri juru li 150,523 turist ġew għal żjara filwaqt li 12,856 żaru pajjiżna għal skop ta’ negozju. Magħduda flimkien, dawn qattgħu mhux inqas minn 1,057,589 iljieli f’Malta. Dan juri li f’Marzu, il-ġranet li t-turisti damu Malta zdied 43.1 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.

L-etajiet tat-turisti varjaw bejn il-25 sena u l-64 sena, bl-iktar grupp li żaru Malta kien dawk fl-età bejn il-25 u 44 sena.

Minn Jannar sa Marzu ta’ din is-sena ġew f’Malta 443,062 turist, filwaqt li t-total ta’ ljieli li dawn damu f’Malta qabeż it-2.9 miljuni. Dawn iġġeneraw fl-ekonomija mhux inqas minn €312.4 miljun.

Ekonomija

Sport