Tuesday, March 26, 2024

Patri taha daqqa ta’ ħarta għax taqra l-gazzetta tal-PL … Nannuha mar u tahielu lura

... Spiċċa weħel multa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kien diversi dawk il-persuni li tkellimna magħha dwar il-ġrajja tal-Interdett. Ġrajja li seħħew fis-sena 1961 fejn b’deċiżjoni tal-Arċisqof Gonzi, eluf ta’ familji spiċċaw jgħixu żmien ikrah. Imċaħħdin mis-sagramenti. Emarġinati. Kien hemm minnhom li mietu b’piena, għax sa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjithom baqgħu bil-ħsieb li kienu se jmutu bid-dnub il-mejjet. Fost ir-rakkonti li smajna fl-aħħar jiem kienet dik ta’ kif kienet titwassal l-aħbar ta’ x’kien għaddej. Mara mill-Kottonera tgħidilna li “jien niftakar sew, li kien ikun hemm persuni inkarigi li kien jwasslu l-aħbarijiet ta’ x’qed jiġri. Mhux kulħadd kien jaf jaqra u għalhekk għall-informazzjoni dawn riedu jiddependu fuq ħaddieħor. Min iwassal l-aħbar kienu jkunu persuni li jaqraw ‘Il-Ħelsien’, il-gazzetta li kien joħroġ il-Partit Laburista. Kienu jgħidulna xi jkunu qraw jew xi ntqal u nies oħrajn imbagħad imexxu l-kelma.” L-istess persuna tgħidilna li “ma stajniex noqogħdu fuq ir-rediffusion. Dan għax il-kontroll tiegħu kien f’idejn il-gvern Ingliż”. 

IT-TORĊA tkellmet ukoll ma’ Leo Ciantar, li n-nanniet tiegħu u anke ommu u z-ziju tiegħu, esperjenzaw dak li kien ikkawża l-Interdett. Leo jgħidilna li “nannu tiegħi Toni Ciantar kien Pulizija. Kien twieled il-Birgu u kien mar joqgħod il-Marsa. Huma kellhom ħafna tfal u kien fetaħ ħanut tal-inbid max-xatt il-Marsa. Niftakru jgħid li mill-cappella ta’ Ċejlu fil-Marsa kienu jġibulu kaxxa u magħha kien ikun hemm Santa u jitfgħu l-flus fiha. Din imbagħad kien jeħodhielhom u jqerr. Niftakru jsemmi kif il-mara tiegħu, li tiġi in-nanna tiegħi, kienet marret tqerr u l-patri kien taha daqqa ta’ ħarta għax waqt il-qrar qaltlu li kienet taqra l-gazzetta Laburista. Il-biċċa ma waqfitx hemm. In-nannu kif sar jaf x’ġara, măr sab lil patri u tah daqqa ta’ ħarta lura. In-nannu kien spiċċa weħel multa ta’ nofs lira Sterlina, waqt li l-Patri ma weħel xejn”. 

Leo jitkellem ukoll dwar omm u żijuh u jgħidilna li “niftakar lil ommi, Carry Ciantar tgħid li kienet marret il-Knisja ta’ San Gejtanu biex tqerr u kif qaltlu li hi kienet mal-Partit Laburista kien qalilha li tista’ titlaq ‘lbarra. Kien mar ħuha, Ġużi  u l-qassis qallu l-istess. Dan kien ħadlu dak li kien jissejjaħ il-‘Bullettin’ u tahulu. Iz-ziju baqa’ sakemm miet ma jersaqx u ma jidħolx ġol-knisja. Tista’ tgħid li daħal biss dakinhar tal-funeral tiegħu”. 

“Kont naqra ‘Il-Ħelsien’ f’tal-linja … ma kinux ipoġġu ħdejja”

Anzjan li kummenta magħna qalilna li “jien llum ngħid li kburi li għext dak iż-żmien. Kien episodju ikrah. Dejjem emmint li l-Knisja kienet żbaljat. Kont ngħid imma jien x’qed nagħmel ħażin biex qed jgħidu li għandi dnub mejjet għax mal-Partit Laburista. Bħala familja min jaf kemm għenna ġirien li dak iż-żmien kienu fil-bżonn għax kien ikollhom nuqqas speċjalment ikel u anke flus. Kont naqra u nipprova nifhem. L-aktar li tibqa’ f’moħħi hi meta kont inkun qed naqra l-gazzetta ‘Il-Ħelsien’ fuq il-karozza tal-linja. Ħdejja ma kien ipoġġi ħadd. Kienu jibqgħu bil-wieqfa u ma jpoġġux”.

Feriti li għadhom ma fiqux

Kienu diversi dawk li għamlu kuntatt magħna u staqsewna direttament għalfejn qegħdin inqajmu din il-kwistjoni. Għalfejn l-appelli għall-monument? Kien hemm min staqsiena jekk irridux noħolqu kwistjoni ġdida.

Ir-risposta ma ntuhiex aħna imma jtuha dawk li għaddew min din il-ġrajja ħafna minnhom mimlija bl-għomor. Jgħidulek ċar u tond li l-ferità m’għalqitx minkejja li għadda ħafna żmien. 

“Rikonċiljazzjoni ma saritx”.  Kumment ieħor  kien li  “l-feriti baqgħu miftuħin. Dak li seħħ ma jistax intesa. Inwarrbu dak li ġara? Naħbuh? Jew nippruvaw ninsew? B’daqshekk mhix se tagħlaq il-ferita.  Illum, għandna it-tfal tat-tfal, li jisimgħuna nirrakkontaw dawn il-ġrajjiet. Ġieli jistaqsuna huma. Jaraw u jħossu il-weġgħa tagħna”.

Ekonomija

Sport