Tuesday, April 30, 2024

Ingliż arrestat b’rabta ma’ serq minn karozzi fl-Imġarr

Aqra wkoll

Azzjoni immedjata mill-Pulizija wasslet sabiex Ingliż ta’ 33 sena jiġi arrestat ftit minuti wara li allegatament seraq minn vetturi pparkjati fl-Imġarr.

Il-każ seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu, fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn. Il-Pulizija rċiviet rapporti li kien hemm raġel li qajjem suspett hekk kif kien qiegħed idur mal-karozzi fi Triq Vitale, fl-Imġarr.

Il-Pulizija marret fuq il-post immedjatament , fejn għamlet it-tfittxija tagħha għar-raġel suspettuż. Il-Pulizija nnotat raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħataw.

Mill-investigazzjonijiet li saru fuq il-post irriżulta li kien hemm numru ta’ vetturi miftuħa u wara tfittxija fuq il-persuna tiegħu, instabu diversi affarijiet allegatament misruqa, fosthom flus.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Abigail Critien.

Sport