L-għaqda Vuċi għall-Annimali qajmet mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa taż-żwiemel li jintużaw għax-xogħol, wara li llum miet żiemel fit-triq.
Skont l-għaqda, jidher li ż-żiemel seta’ sofra attakk tal-qalb, għalkemm s’issa din għadha possibbiltà u mhux kawża kkonfermata tal-mewt.
F’kumment dwar il-każ fuq il-midja soċjali, Vuċi għall-Annimali staqsiet kif qed jiġi żgurat li ż-żwiemel li jintużaw għax-xogħol ikunu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba biex ikunu jistgħu jwettqu dan ix-xogħol.
L-għaqda staqsiet ukoll kemm-il darba dawn l-annimali jiġu eżaminati minn veterinarju u x’tip ta’ kontrolli mediċi jsirulhom biex jiġi żgurat li jkunu f’saħħithom.
Vuċi għall-Annimali saħqet li mhuwiex qed jingħad li kull mewta tista’ tiġi evitata, iżda sostniet li hemm responsabbiltà li jiġi żgurat li l-annimali ma jkunux qed jintalbu jaħdmu f’kundizzjonijiet li jistgħu jqiegħdu saħħithom f’riskju.
