Illum, għall-ħabta tat-8.00am, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Farruġ, Ħal Luqa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Citroen Berlingo misjuq minn Tork ta’ 28 sena residenti Ħal Luqa u mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 51 sena u jgħix is-Siġġiewi. Fuq il-mutur kien hemm ukoll mara ta’ 21 sena residenti s-Siġġiewi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet ix-xufier u l-passiġġiera tal-mutur l-Isptar Mater Dei. Iktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
