Tlieta fil-Qorti dwar pussess u traffikar ta’ droga f’Għawdex

… wieħed jammetti; raġel u mara jiċħdu l-akkużi

Aqra wkoll

Żewġt irġiel u mara tressqu fil-Qorti t’Għawdex fejn ġew mixlija b’akkużi dwar pussess u traffikar ta’ droga. 

Huwa kienu arrestati t-Tlieta li għadda wara sorveljanza li saret mill-Pulizija fuq blokka t’appartamenti fi Triq taċ-Ċawla, ir-Rabat, Għawdex.

Il-Pulizija kienet innutat raġel ta’ 41 sena ħiereġ mill-post u sussegwentement twaqqaf u ġie arrestat. Fi tfittxija li saret fuqu nstab fil-pussess ta’ żewġ qratas b’sustanzi suspettati eroina u kokaina.

Bl-informazzjoni li f’appartament minnhom allegatament kien qiegħed isir il-bejgħ tad-droga, il-Pulizija daħlet fl-appartament fejn ġew arrestati raġel ieħor ta’ 75 sena u mara ta’ 47 sena.

Waqt it-tfittxijiet li saru fil-post u fil-vettura tal-mara, il-Pulizija sabet diversi qratas b’sustanzi suspettati eroina u kokaina, kif ukoll madwar €80,000 fi flus kontanti.

L-ewwel li tressaq fil-Qorti t’Għawdex kien George Caruana ta’ 41 sena residenti Marsalforn, Għawdex. Huwa wieġeb ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u eroina u kien ikkundannat multa ta’ €500.  

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras filwaqt li għal Caruana dehret l-Avukat Maria Bartolo Dimech.

Wara tressqu Grazio Spiteri ta’ 75 sena u Maria Assunta Vella ta’ 57 sena, it-tnejn residenti r-Rabat, Għawdex. 

Grazio Spiteri kien mixli li fl-10 ta’ Novembru u fix-xhur u s-snin ta’ qabel, ittraffika d-droga kokaina u eroina u li kien fil-pussess ta’ din id-droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa kien mixli wkoll li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi ttraffikata d-droga u li għamel atti ta’ ħasil ta’ flus.

Maria Assunta Vella kienet mixlija wkoll bi traffikar u pussess tal-kokaina u l-eroina, li assoċjat ruħha ma’ persuni oħra biex tiġi traffikata din id-droga, li wettqet atti ta’ ħasil ta’ flus u li rrendiet ruħha riċediva. 

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tagħhom, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri u hemm ħafna persuni li għad iridu jixhdu. Il-Prosekuzzjoni żiedet tispjega li b’kollox instabu 71.8 grammi ta’ eroina u madwar 38 gramma kokaina.

Id-Difiża argumentat li Grazio għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-problemi ta’ saħħa li jbati minnhom filwaqt li l-imputata tieħu ħsiebu minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu.

Minkejja dan, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukat Jonathan Mintoff deher għal Maria Assunta Vella filwaqt li l-Avukat Daniel Calleja deher għal Grazio Spiteri. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport