Wara li rnexxielhom jipperswadu lil Kylian Mbappe biex jibqa’ mal-club, issa Paris St-Germain xeħtu l-interess tagħhom fuq Zinedine Zidane biex jieħu post il-coach attwali, Mauricio Pochettino.
Iżda rapporti qed isostnu lil Zidane ma jridx jikkommetti mal-Pariġini għall-fatt li wara t-Tazza tad-Dinja ta’ Novembru li ġej, huwa jrid ikun il-coach nazzjonali ta’ Franza.
Il-President tal-club, Nasser Al-Khelaif, qed jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex jingaġġa lil Zidane li għandu curriculum vitae ta’ suċċessi.
Għaldaqstant, huwa stieden lill-istess Zidane biex nhar is-Sibt li ġej qabel il-finali tal-UEFA Champions League, issir laqgħa bejniethom bil-possibbiltà li l-Franċiż jieħu t-tmun tat-team.