Saturday, November 9, 2024

ŻMINIJIET TA’ SFIDI LI JIRRIKJEDU GĦAQDA NAZZJONALI

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem fetaħ il-Parlament. Minn dak li diġà seħħ fil-Parlament bejn Gvern u Oppożizzjoni, kollox qed jindika li se jkollna ħames snin bħal ta’ qabilhom. Rajna l-battibekki bejn Gvern u Oppożizzjoni u n-nuqqas ta’ qbil fuq l-Ispeaker. Nuqqas ta’ qbil li sa issa għadu jippersisti ukoll fuq il-ħatra ta’ l-Ombusdman.

Quddiem din is-sitwazzjoni tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li qegħdin ngħixu żminijiet diffiċli u kollox jindika li l-ġimgħat u x-xhur, l-isfidi li qed niffaċċjaw llum se jkomplu jippersistu. Fost dawn l-isfidi hemm dik tal-inflazzjoni u kemm quddiem din l-inflazzjoni li ġejja minn barra, pajjiżna se jirnexxielu jżomm it-tkabbir ekonomiku li għandu. 

Ma ninsewx li x-xhur li għaddew kienu mill-aktar iebsin minħabba l-pandemija.  Kif id-dinja bdiet bil-mod il-mod tistejqer mill-pandemija, faqqgħet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Din wasslet biex il-prezz ta’ affarijiet essenzjali jogħlew. Fost dawn il-fjuwil u l-qmugħ.

Dan wassal għal żieda fil-prezzijiet. Żidiet li f’xi każi huma sostanzjali. Żidiet li huma mifruxin u qed jolqtu ħażin lill-poplu tagħna u popli oħra.

Nemmnu li l-poplu se jkun qed jilqa’ għal dawn iż-żidiet. Se jkun qed jilqa’ billi jnaqqas il-konsum tiegħu. Inaqqas ix-xiri. Dan hu meqjus bħala xi ħaġa negattiva u li tista twassal  biex nesperjenzaw tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku.

Għandna s-sitwazzjoni u ovvjament din mhux f’Malta biss, fejn l-industrijalisti qed jesperjenzaw żidiet 

fil-materja prima u fil-prezzijiet tal-ġarr tal-merkanzija, kemm bil-baħar, bl-art u anke bl-ajru, waqt li l-konsumaturi qed jiffaċċjaw żidiet fil-prezzijiet tal-ikel.

Il-Gvern minn naħa tiegħu u nemmnu li dan hu pass tajjeb qed jipprova jipproteġi lill-konsumaturi billi jikkontrolla l-prezzijiet tal-qamħ, tal-fjuwil u tal-enerġija. Il-gvern wiegħed li se jkompli jgħin.

Nemmnu li ż-żieda fil-prezzijiet se tkun qed twassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja ta’ għadd ta’ ċittadini. Qed ngħidu dan, għax din il-mewġa ta’ żidiet se twassal biex in-nies jikkontrollaw l-infieq tagħhom. Jaraw x’se jaqtgħu. Jiddeċiedu fuq x’se jnaqqsu. Dan minnu nfih imbagħad jaffettwa l-ekonomija.

Għalhekk nemmnu li f’dan iż-żmien ta’ sfidi pajjiżna ma jistax jinħela fuq battibekki u firdiet politiċi. Nemmnu li Gverrn u Oppożizzjoni  għandhom jiġġieldu fuq il-prinċipji. Nemmnu imma li l-piki politiċi li joriġinaw minn intolleranza politiku m’hemmx posthom aktar f’dan il-pajjiz.

Nemmnu li f’dan il-mument pajjiżna jeħtieġ aktar minn qatt qabel, li jkollu Gvern u Oppożizzjoni li jaħdmu flimkien. Dan hu żmien li fih mhux tgħajjir u battibekki iridu nisimgħu u naraw, imma għaqda nazzjonali. Iż-żminijiet li ġejjin fuqna, tiġġilidhom billi kulħadd ikun flimkien u jagħti sehmu.

Sport