Monday, May 13, 2024

“Żommu l-impatt fuq it-tagħlim tat-tfal u ż-żgħażagħ quddiem għajnejkom” – l-MUT

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija COVID-19 kif evolviet f’dawn l-aħħar jiem, il-Malta Union of Teachers (MUT) qed tappella sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kull deċiżjoni li tittieħed. Kull azzjoni jaf ikollha impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti, partikolarment fuq deċiżjoni kbira bħal dik jekk jiftħux l-iskejjel minn Settembru li ġej. L-MUT qed tagħmel dan l-appell b’responsabbiltà kbira f’isem l-edukaturi. Fi stqarrija maħruġa minnha fl-aħħar ħin hija qalet li “t-traskuraġni, in-nuqqas ta’ ħsieb u t-trijonfaliżmi ta’ xi wħud jafu jħallu impatt enormi fuq it-tagħlim fl-iskejjel fix-xhur li ġejjin. Bħalissa żgur li m’hemmx posthom.”

L-istqarrija tkompli biex tgħid li huwa fatt magħruf li t-tagħlim online ma jista’ qatt jirreplika dak li jsir wiċċ imb wiċċ fil-klassi, kemm il-ħtieġa ta’ kuntatt uman, il-kuntest ta’ kollaborazzjoni u anki bħala qsim t’esperjenzi mal-komunità kollha tal-iskola. L-MUT spjegat ukoll li ż-żieda fit-trażmissjoni tal-virus qed tinkwieta lil kulħadd, mhux anqas lill-edukaturi li huma konxji li l-ambjent tal-klassi jeħtieġ kuntatt kontinwu ma’ gruppi kbar ta’ studenti fi spazji ristretti.

L-MUT innotat ukoll li ż-żamma tad-distanza soċjali, l-ilbies tal-maskri u l-iġjene jibqgħu fatturi importantissimi. Dawn jillimitaw it-tixrid tal-virus u issa nafu biżżejjed, permezz tal-attivitajiet tal-massa li ġew irrappurtati, li meta dawn il-miżuri ma ttiħdux it-tixrid tal-virus laħaq livelli allarmanti. Fil-kuntest tal-iskola wieħed jista’ jara fatturi simili ta’ massa ta’ nies fi spazju limitat, fejn għandek mijiet ta’ studenti u edukaturi fi skejjel f’sitwazzjonijiet fejn diffiċli tevita l-kuntatt.

Għaldaqstant l-MUT qed tappella lil kull individwu sabiex jaħseb dwar deċiżjonijiet li jista’ jieħu li jpoġġuh f’riskju ta’ teħid u tixrid tal-virus. Fuq quddiem nett, wara l-persuni vulnerabbli li għandhom riskji serji għal saħħithom, għandu jkun hemm it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom dritt għall-aqwa esperjenza edukattiva fl-iskola. Niftakru li din l-esperjenza tista’ terġa’ tiġi limitata serjament jekk jibqa’ jkollna din ir-rata tat-tixrid tal-virus.

Sport