Friday, November 22, 2024

‘Żommu ruħkom attivi b’mod regolari’ – l-atleta Christian Bugeja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

Bħall-maġġoranza tat-tfal meta jkunu żgħar, l-ewwel preferenza normalment tkun il-futbol. Il-ġenituri kienu introduċewni għal numbru ta’ sport differenti inkluż l-atletika. Għalkemm kien sport li jogħġobni u li kont nieħu pjaċir insegwi, dak iż-żmien kont għażilt il-futbol. L-għażla għall-atletika ġiet biss ftit tas-snin ilu. Wara li rkuprajt minn xi injuries tal-futbol, u waqfa ta’ diversi snin minn kull attivitá sportiva, iddeċidejt li nipprova sport ġdid li jkun jaqbel ukoll mal-istil tal-ħajja personali tiegħi.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Wara perjodu twil wieqaf mill-isport, bdejt ninnota bidla kemm fiżikament u anke mentalment, sfortunatment għal ħażin. Minħabba l-injuries li kelli, kien ikolli uġigħ kontinwu, peró b’xi ġirja kultant, l-uġigħ kien beda jtaffi.  Ħija, Conrad, kien diġá jipprattika l-atletika u kien jinkoraġġini nis-sħiħ biex nibda mmur aktar spiss fil-ħin liberu tiegħi. Kien jidderiġini f’affarijiet bażiċi tal-ġiri u hemmhekk bdiet l-esperjenza tiegħi f’dan l-isport.


Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

L-għażla għall-atletika ġiet wara li ngħaqadt ma’ kowċ professjonali, Has Kesra, li pprovdieli programm ta’ taħriġ personalizzat li beda jagħtini ċertu sodisfazzjon. L-abiltajiet tiegħu ispirawni li nkompli f’din il-kategorija tal-isport. Sal-lum il-ġurnata għadni taħt il-gwida tal-istess kowċ, li tant emmen fija sa mill-ewwel ġurnata.

Ma nistax ma nsemmix ukoll lil Andrew Grech u aktar tard anke lil Charlton Debono li minn meta bdejt nitħarreg b’aktar serjetá fl-atletika, kienu ta’ ispirazjoni u anke ta’ għajnuna kbira għall-progress personali tiegħi minħabba li llum il-ġurnata aħna lkoll memberi ta’ l-istess klabb, Evolve Endurance Club taħt il-gwida tal-istess kowċ, Has Kesra. Irrid nsemmi wkoll hawnhekk lill-ħabib tiegħi u atleta, Gregory Degabriele, li mill-ewwel ġurnata li sirt parti mill-klabb, emmen fija, għenni nkun naqra aħjar f’kull sessjoni li tħarriġna flimkien. Ma jistax jonqos ma nsemmix wkoll lil Alan Camilleri u Charles Micallef li min  meta sirt parti mill-klabb kienu dejjem hemm u lesti biex ikunu ta’ spalla fit-taħriġ tiegħi. Irrid nsemmi wkoll lil Matthew Micallef, Chris Micallef, Shaun Galea, Aidan Tanti, Roderick   Cilia, Jan Degorgio, Heathcliff Vella u Joseph Borg li frekwentament nitħarrġu flimkien sabiex dejjem inkunu aħjar.

Dawn il-persuni li semmejt, kif ukoll ħija inkluż magħhom, kienu, għadhom u jibqgħu dawk l-individwi li ta’ sikwit jimbuttawni aktar biex naħdem għal riżultati kif ukoll għal teknika aħjar, li mingħajr ebda dubju huma essenzjali biex inkun aħjar.


Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Meta tikkunsidra li ili biss ftit snin li bdejt nipprattika dan l-isport, l-unur principali li ksibt s’issa huwa aktar ta’ livell personali. Dak li qed nitħarreġ b’mod professjonali f’qasir żmien u li qed nara riżultati pożittivi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan aħħari tiegħi kien u hu dak li ntejjeb lili nnifsi.


Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Din hija il-ħames sena tiegħi minn meta bdejt nitħarreġ fil-giri u r-raba’ sena mal-kowċ, Has Kesra.

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek sa issa?

Dawn huma l-aħjar ħinijiet li rnexxieli nikseb s’issa huma: 5Km: 16:09 (2023); 10Km: 33:25 (2024) u Nofs Maratona: 1:14:14 (2022).


Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Ma naħsibx li tingħata biżżejjed importanza għal dan l-isport speċjalment meta kkumparat ma’ sport ieħor. Organizzaturi f’Malta ta’ spiss jorganizzaw avvenimenti tul is-sena kollha peró ftit jingħataw importanza mill-media lokali. Il-media hija mezz importanti ħafna u l-użu tajjeb tagħha tista’ tkun ta’ influenza pożittiva għas-soċjetá ta’madwarna. Ix-xandir ta’ dawn l-avvenimenti jistgħu jippromwovu u jinkoraġġixxu stil ta’ ħajja attiva.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

L-unika ħolma appart dik li nkompli ntejjeb il-ħinijet personali tiegħi fuq distanzi ta’ 5km, 10km u dik ta’ nofs maratona, hi dik li nibda nipprepara għall-Maratona. Minn meta bdejt nitħarreġ fl-atletika, dik kienet dejjem tberren ġo moħħi.

X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattika?

Sagrifiċċji hemm diversi fosthom hemm l-ammont ta’ ħin ta’ taħriġ li wieħed ikollu         jitħarreġ kuljum anke f’ħinijiet kmieni ħafna jew tard ħafna biex wieħed ilaħħaq ma’   commitments oħra. Ma nistax ma nsemmix wkoll il-ġranet li wieħed ikollu jistrieħ kmieni jew saħansitra ma toħroġx minħabba xi avveniment jew taħriġ li jkun ġej fil-qrib.        Għalkemm hemm is-sagrifiċċji, is-sodisfazzjon li wieħed jieħu wara huwa ferm kbir.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

L-atletika huwa sport individwali u l-għan prinċipali hu li tipprova ttejjeb it-teknika u l-ħinijet tiegħek stess. Wieħed ikun jixtieq jikseb ħin aħjar, peró, dan jkun ikkumparat mal-ħin tal-individwu stess u mhux jekk hux aħjar minn ta’ ħaddiehor. Biss, irrid inkun onest wkoll li speċjalment f’xi tellieqa, lejn l-aħħar ftit kilometri jew saħansitra metri, ħadd ma jkun jixtieq li jinqabeż, b’hekk dik in-naqra ta’ kompetizzjoni tidħol imma b’mod pożittiv u bla ebda ħażen.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Hemm numru ta’ kompetizzjonijet li għandi ħsieb li nidħol fihom, biss dan kollu jiddependi mill-proċess ta’ rkupru li bħalissa għaddej minnu biex nerġa’ nikseb il-kundizzjonijet ideali li nixtieq.

addi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Messaġġ wieħed u mhux għall-atletika biss imma għall-isport kollu. Żommu ruħkom     attivi b’mod regolari! Mhix se tkun faċli … se ssibu ħafna ostakli kemm fl-isport innifsu kif ukoll fil-ħajja personali tagħkom, li fl-aħħar mill-aħħar se jaffettwawkom ukoll fl-isport, biss, taqtgħu qalbkom qatt u ġġieldu magħkom infuskom biex tiġġieldu kull ostaklu li jiġi għax b’hekk biss tkunu tistgħu tkunu persuni u atleti aħjar milli kontu l-ġurnata ta’ qabel!

Sport