Żurrieq Wolves Athletic Club rebħu t-titlu nazzjonali tal-klabbs fir-road running organizzat minn Athletics Malta, kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll fil-kategorija mħallta. B’hekk huma temmew id-dominanza riċenti tat-timijiet ta’ Mellieħa AC u Evolve Endurance Club, li din is-sena kellhom jikkuntentaw bit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Filwaqt li din ir-rebħa tirrifletti sforz kollettiv qawwi, parti kbira minn dan it-titlu kienet mertu taż-żagħżugħ Gabriel Farrugia li kkontribwixxa b’mod deċisiv meta rebaħ ħames minn sitt tlielaq tal-kampjonat ta’ din is-sena, hekk kif issiġġilla r-rebħ tal-kampjonat individwali tal-irġiel għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu.
L-aħħar tellieqa tal-kampjonat, organizzata minn Mellieħa AC u li fiha ħadu sehem aktar minn 400 atleta li ġrew distanza ta’ 5km minn Tas-Sliema sal-Pieta’, intrebħet minn Luke Micallef (Pembroke AC) b’14:53. Charlton Debono (Evolve Endurance Club) kiseb it-tieni post 15:20, b’Alexander Nelson it-tielet f’15:23.
B’dan ir-riżultat, Debono aċċerta ruħu mit-tieni post fil-klassifika finali tal-kampjonat, wara li spiċċa bl-istess ammont ta’ punti daqs Tommy Wallbank ta’ Mellieħa AC. F’dan il-każ, jittieħed l-aqwa ħin kumulattiv tal-atleti kkonċernati.
Fit-tellieqa tan-nisa, rebħa għal Isaura Camilleri ta’ Żurrieq, b’17:27, quddiem
Roberta Schembri (Evolve) b’17:55. Minkejja dan ir-riżultat b’saħħtu u l-aqwa ħin personali fit-tellieqa għal Camilleri, kienet Schembri li finalment kisbet it-titlu nazzjonali hekk kif iż-żewġ atleti temmew bl-istess ammont ta’ punti iżda l-ħin kumulattiv tagħha kien inqas. Ritienne Zammit (Evolve) temmet it-tielet fil-klassifika ġenerali.


