Wednesday, May 6, 2026

Zachary Cassar … il-karriera tiegħu turi b’mod ċar kif l-esperjenza, il-persistenza u l-adattament jistgħu jwasslu għal suċċess f’kull stadju tal-futbol Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Zachary Cassar huwa wieħed minn dawk il-plejers li l-karriera tagħhom turi b’mod ċar kif l-esperjenza, il-persistenza u l-adattament jistgħu jwasslu għal suċċess f’kull stadju tal-futbol Malti. Mill-ewwel passi tiegħu ma’ Birkirkara sal-kapitlu preżenti ma’ Birżebbuġa St Peter’s FC, Cassar żviluppa bħala plejer versatili li għadda minn diversi klabbs u sfidi, dejjem ifittex li jtejjeb il-livell tiegħu u jikkontribwixxi fejn jintalab.

Il-karriera tiegħu bdiet tispikka meta tela’ fl-akkademja ta’ Birkirkara FC, fejn eventwalment għamel il-pass lejn l-ewwel tim. Fis-snin bikrin, huwa esperjenza wkoll diversi timijiet oħra, inkluż ma’ Senglea Athletic u Gudja United, fejn kellu ċ-ċans jakkwista minuti regolari tal-logħob u jimmatura bħala plejer.

Dawn il-perjodi kienu kruċjali biex jibni l-esperjenza tiegħu fil-futbol tal-kbar, anke jekk kienu akkumpanjati minn bidliet frekwenti bejn klabb u ieħor.

Wara perjodu ma’ Floriana u aktar tard Gżira United, Cassar ingħaqad ma’ Valletta FC, fejn baqa’ sal-bidu tal-2026. F’Jannar 2026 huwa għamel pass ġdid fil-karriera tiegħu meta ngħaqad ma’ Birżebbuġa FC. Dan il-pass irriżulta li kien wieħed deċiżiv kemm għalih kif ukoll għall-klabb.

Meta ngħaqad mat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta, it-tim kien diġà qed juri sinjali ta’ kompetittività u ambizzjoni. Minkejja sfidi bħal injuries u telf ta’ plejers importanti matul l-istaġun, l-iskwadra rnexxielha tibqa’ magħquda u tkompli tiġġieled għal kull punt. Cassar innifsu kellu rwol importanti f’din il-fażi, mhux biss fuq il-grawnd iżda wkoll fil-mentalità kollettiva tat-tim.

F’intervista li ta lil dan is-sit dwar l-esperjenza tiegħu ma’ Birżebbuġa, Cassar enfasizza kemm kien staġun intensiv u emozzjonanti. Huwa spjega kif, minkejja diffikultajiet u sensiela ta’ riżultati li setgħu kissru l-momentum tat-tim, l-iskwadra rnexxielha terġa’ tqum u tibqa’ fil-ġlieda għall-promozzjoni. “Kien kampjonat eċitanti, b’ħafna timijiet jiġġieldu sal-aħħar. Mhux daqshekk frekwenti tara erba’ klabbs fil-ġlieda diretta għall-promozzjoni,” qal Cassar.

Il-mument kruċjali wasal fl-aħħar logħba tal-kampjonat, meta Birżebbuġa kellhom jidħlu f’decider li eventwalment spiċċat permezz tal-għoti tal-penalties. Minkejja l-pressjoni, it-tim wera kalma u determinazzjoni, u rnexxielu jikseb il-promozzjoni. Dan kien ukoll staġun memorabbli minħabba li Birżebbuġa mhux biss kisbu promozzjoni iżda temmew ukoll bil-BOV Challenge Cup, u b’hekk kisbu doppjetta storika għall-klabb.

Il-kontribut ta’ Zachary Cassar ma’ Birżebbuġa St Peter’s FC ma kienx limitat biss għal dak li juri fil-grawnd jew għall-mumenti deċiżivi fil-logħbiet, iżda wkoll fir-rwol tiegħu ġewwa dressing room Bħala wieħed mill-plejers b’aktar esperjenza fl-iskwadra, huwa naturalment ħa rwol ta’ gwida, speċjalment ma’ plejers żgħażagħ li kienu qed jesperjenzaw għall-ewwel darba sfida serja ta’ promozzjoni.

Il-kapaċità tiegħu li jibqa’ kalm taħt pressjoni kienet evidenti f’diversi mumenti kruċjali tal-istaġun, fejn logħbiet bilanċjati ġew deċiżi minn dettalji żgħar. Barra mill-grawnd, Cassar integra ruħu malajr fl-ambjent tal-klabb u bena relazzjonijiet tajbin kemm mal-istaff tekniku kif ukoll ma’ sħabu l-plejers.

Din l-għaqda interna kienet element importanti ħafna fis-suċċess tal-istaġun. Is-sessjonijiet ta’ taħriġ kienu kompetittivi iżda ffukati, b’enfasi ċara fuq id-dixxiplina u l-implimentazzjoni tat-tattika. Skont Cassar, din il-kultura kienet waħda mill-pedamenti li fuqhom inbniet ir-rebħa tal-klabb.

Meta jħares ’il quddiem, huwa jemmen li din l-għaqda trid tibqa’ tiġi preservata jekk il-klabb irid ikompli jikber. Għalih, dan l-istaġun serva wkoll bħala lezzjoni importanti dwar ir-reżiljenza u x-xogħol f’tim bħala elementi essenzjali għas-suċċess.

Cassar enfasizza kemm kien importanti l-irwol tal-kumitat u l-istaff tekniku.

“Nirringrazzja lill-president u lill-amministrazzjoni tal-klabb għall-fiduċja tagħhom u għall-mentalità li taw lit-tim. Bla dubju li l-impenn tagħhom kien fundamentali biex il-plejers jibqgħu ffukati anke f’mumenti diffiċli. Ma nistax inħalli barra jew nitkellem dwar il-kontribut tal-kowċ Edgar Degabriele, li emmen fih u għen biex tinżamm l-għaqda tal-iskwadra.”

“Nemmen li kellna skwadra magħquda ħafna, madwar 22 plejer kollha mexjin fl-istess direzzjoni. Id-determinazzjoni, ix-xogħol u l-unità kienu l-fatturi ewlenin tas-suċċess tagħna,” spjega Cassar.

Wieħed mill-aktar mumenti importanti tal-istaġun għal Birżebbuġa kien ir-rebħ tal-BOV Challenge Cup, meta għelbu lil Melita FC 3-0 fil-finali. Fil-partita, Cassar kien involut f’azzjoni li wasslet għat-tielet gowl, fejn ikkonkluda b’xutt preċiż li għalaq il-logħba u kkonferma s-suċċess tat-tim. Kien mument simboliku tal-kontribut tiegħu matul l-istaġun kollu.

Il-finali nnifisha kienet logħba fejn Birżebbuġa ħadu l-kontroll gradwalment. Wara penalty ta’ Alex Bruno De Souza Silva u gowl ieħor minn Paul Lapira, l-istess Zack Cassar għalaq il-logħba bi stil, u għen lit-tim jikkonsolida rebħa komda u titlu storiku.

Meta jħares lejn il-futur, Cassar esprima sodisfazzjon bil-pass li għamel ma’ Birżebbuġa u wera x-xewqa li jkompli jibni fuq dan is-suċċess. Huwa enfasizza li l-istaġun li jmiss jista’ jkun opportunità biex il-klabb jesperjenza livell ieħor ta’ futbol, fil-Premier, jekk il-proġett ikompli jiżviluppa kif previst.

Meta tkellem dwar il-futur tiegħu, Cassar kien ċar.

“Hemm ir-rieda li nkomplu dan il-vjaġġ li bdejna flimkien sa minn Jannar li għadda. Naħseb li nista’ nagħti l-kontribut tiegħi anke għax diġa’ lgħabt f’dan il-livell.”

Il-karriera ta’ Zachary Cassar hija eżempju ta’ plejer li ma qatax qalbu minkejja ċaqliq frekwenti bejn klabbs u sfidi sportivi. Illum, huwa meqjus bħala parti minn skwadra li kisbet wieħed mill-aktar staġuni memorabbli fl-istorja riċenti ta’ Birżebbuġa St Peter’s FC, bi promozzjoni u trofew li jikkonfermaw il-progress tiegħu kemm individwalment kif ukoll kollettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport