Wednesday, May 6, 2026

Alexia Amato … tkompli turi li t-talent Malti jista’ jmur ferm lil hinn mill-gżejjer Maltin

Aqra wkoll

Minn Crsitian Muscat

Il-goalkeeper Maltija tal-waterpolo Alexia Amato qed tkompli tikteb storja ġdida fil-karriera tagħha barra minn Malta, wara li flimkien mat-tim tagħha Wasserfreunde Spandau 04 rebħet it-Tazza Ġermaniża tal-waterpolo.

Suċċess importanti għal atleta żagħżugħa li ftit xhur ilu bdiet esperjenza ġdida fil-Bundesliga Ġermaniża, wieħed mill-aktar kampjonati kompetittivi fl-Ewropa.

Amato, li hija wkoll membru tat-tim nazzjonali Malti, għamlet il-pass minn Sirens ASC għal Spandau 04, klabb storiku f’Berlin magħruf għall-prestiġju u r-rekords tiegħu fil-waterpolo Ewropew.

“Meta wasalt għall-ewwel darba f’Awwissu, kienet esperjenza kompletament ġdida,” tgħid Alexia f’intervista li tat lil dan is-sit. “Il-livell huwa professjonali ħafna, it-taħriġ intensiv, u kull logħba tħossok li trid tagħti l-massimu tiegħek. Imma kont lesta mentalment għal din l-isfida.”

Wasserfreunde Spandau 04 huwa wieħed mill-aktar klabbs dominanti fil-waterpolo Ġermaniż u Ewropew. Il-klabb rebaħ rekord ta’ 39 kampjonat Ġermaniż, 33 tazzi Ġermaniżi u anke 4 titli tal- LEN Champions League u għandu eluf ta’ membri f’Berlin.

“Meta tidħol f’klabb bħal dan tifhem minnufih x’tip ta’ aspettattivi hemm,” tkompli tgħid Amato. “Hawnhekk kull dettall jiġi kkalkulat. Mill-ewwel jum, ħassejt li qed nitgħallem kuljum.”

Spandau 04 jilgħab fil-Sportzentrum Schöneberg, iżda hemm ukoll pjanijiet biex fil-futur il-klabb ikollu arena ġdida fi Spandau. Dan juri l-ambizzjoni kontinwa ta’ klabb li ilu jiddomina l-waterpolo Ġermaniż għal snin twal.

L-istaġun ma kienx wieħed faċli għat-tim. Filwaqt li Spandau 04 wera saħħa kbira f’diversi logħbiet b’rebħiet kbar kontra timijiet bħal Duisburger SV 98 u SG Neukölln, kienu wkoll hemm sfidi kontra rivali diretti bħal Waspo Hannover u ASC Duisburg.

“F’Berlin kellna semifinal diffiċli ħafna,” tgħid Alexia. “Imma hemmhekk urejna r-reżiljenza tagħna bħala tim. Kien hemm mumenti fejn kellek tkun kompletament konċentrata, speċjalment bħala goalkeeper.”

Hija tgħid li dawn il-logħbiet kienu kruċjali biex it-tim jifhem aħjar x’hemm bżonn biex jirbaħ trofej. “Kull logħba tagħtik lezzjoni x’titgħallem. Xi kultant tirbaħ b’ħafna gowls, xi kultant titlef, imma l-importanti hu kif tirreaġixxi.”

Għal Alexia, dan il-pass lejn il-Ġermanja ma kienx biss dwar karriera sportiva, iżda wkoll dwar tkabbir personali u professjonali.

“Meta mort hemm indunajt kemm hu differenti l-livell professjonali tal-waterpolo fil-Ġermanja” tispjega. “Hawnhekk kollox huwa strutturat, mill-preparazzjoni sal-ġurnata tal-logħba sa meta jasal il-mument li tirkupra. Trid tkun dixxiplinata ħafna.”

Hija tgħid ukoll li l-esperjenza qed tgħinha tiżviluppa mhux biss bħala atleta iżda wkoll bħala persuna. “Qed nitgħallem nikkomunika f’ambjent internazzjonali, kapaċi noqgħod għall-pressjoni, u naddatta għal stil ta’ logħob differenti.”

Bħala goalkeeper, Alexia għandha rwol kruċjali fit-tim ta’ Spandau 04. Ir-riflessi, id-deċiżjonijiet li trid tieħu ta’ malajr u l-kalma taħt pressjoni huma elementi essenzjali fil-logħba tagħha.

“Il-pożizzjoni tiegħi ma tippermettilekx żbalji kbar. Trid tkun dejjem ffukata,” tgħid. “Imma fl-istess ħin, inħossni motivata ħafna meta nara li qed ngħin lit-tim jirbaħ logħbiet importanti.”

Ir-rebħ tat-Tazza Ġermaniża kien mument speċjali għal Alexia u sħabha. Huwa suċċess li jikkonferma l-progress li għamel it-tim matul l-istaġun.

“Meta rbaħna t-Tazza, kien mument emozzjonanti ħafna. Tfakkar kemm ħdimna u kemm għamilna sagrifiċċji biex wasalna s’hawn,” tgħid. “Huwa biss il-bidu, imma jagħtik ħafna fiduċja għall-futur.”

Minkejja s-suċċess, Alexia tibqa’ b’saqajha mal-art u ffukata fuq il-fażi li jmiss tal-karriera tagħha.“Nixtieq inkompli nikber, nitgħallem u nikkompeti f’livell għoli kemm jista’ jkun,” tgħid. “Għadni fil-bidu ta’ din l-esperjenza u naf li għad hemm ħafna xogħol quddiemi.”

Hija tħares ukoll lejn il-play-offs li ġejjin bħala sfida importanti oħra. “Kull logħba issa hija kruċjali. Irridu nibqgħu konsistenti.”

Waħda mill-aktar affarijiet li Alexia Amato ssemmi b’mod kostanti hija l-importanza tal-ambjent internazzjonali li sabet ruħha fih fil-Ġermanja. Skont hi, il-fatt li qed tilgħab ma’ plejers minn pajjiżi differenti għenha tifhem aħjar il-logħba u tiftaħ il-mentalità tagħha għal stili differenti ta’ waterpolo.

“Meta tkun f’tim bħal Spandau, ma titgħallimx biss mill-kowċis, imma wkoll minn sħabek stess,” tgħid hi. “Kull plejer għandu xi ħaġa differenti x’joffri, u dak jagħmlek aħjar kuljum.”

Hija tispjega wkoll kif il-ħajja ta’ atleta barra minn Malta ġġib magħha sfidi mhux biss sportivi iżda wkoll personali, bħal adattament għall-kultura ġdida, lingwa differenti u rutina aktar intensiva. Madankollu, Alexia tgħid li dawn l-isfidi qed jgħinuha tikber bħala persuna aktar indipendenti u matur.

“Mhux dejjem faċli, speċjalment meta tkun ’il bogħod mill-familja, imma fl-istess ħin din l-esperjenza tagħmlek aktar b’saħħtek mentalment,” tgħid il-goalkeeper Maltija.

Il-prestazzjoni tagħha fil-Ġermanja hija wkoll sinjal pożittiv għall-waterpolo Malti, speċjalment fil-kategorija tan-nisa.

“Dejjem inħossni kburija li nirrappreżenta lil Malta,” tgħid Alexia. “Nittama li l-esperjenza tiegħi tispira plejers żgħażagħ biex jemmnu li jistgħu jaslu wkoll barra minn Malta.”

Alexia Amato qed tkompli turi li t-talent Malti jista’ jmur ferm lil hinn mill-gżejjer Maltin. Bir-rebħ tat-Tazza Ġermaniża u prestazzjonijiet kostanti f’wieħed mill-aqwa klabbs Ewropej, hija qed tibni karriera promettenti li tista’ twassalha sa livelli saħansitra ogħla fil-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport