Wednesday, April 24, 2024

€1.7 biljun iġġenerati mill-programm ta’ residenza

Aqra wkoll

Minn mindu ġiet stabbilita l-għotja taċ-ċittadinanza b’investiment, l-inizjattiva iġġenerat €1,130,825,000 f’kontribuzzjonijiet gross, li saru mill-applikanti lill-Gvern ta’ Malta. Meta mbagħad wieħed iqis l-effett indirett, l-ammont saħansitra jiżdied għal biljun u seba’ mitt miljun ewro. 

Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, qal: “Dawn in-numri jfissru li fi żmien ta’ sfidi ekonomiċi, sibna dħul mill-inizjattivi ta’ din l-Aġenzija. Konna ta’ spalla biex setgħu jingħataw tant għajnuniet lill-familji u lin-negozji Maltin.” Sostna li qed jaħdmu biex jinvestu f’dak li jgħodd: il-komunità.

Mit-total tal-flus iġġenerati,  €616,427,599 minnhom ġew trasferiti lill-NDSF filwaqt li €388,529,774 ġew trasferiti lill-Fond Konsolidat. Aktar minn €1.8 miljun ġew mogħtija minn applikanti li ntgħażlu fil-programm IIP lill-NGOs lokali sal-aħħar tas-sena 2021. Dawn l-NGOs ivarjaw, biex jinkludu: l-Arċidjoċesi ta’ Malta, entitajiet reliġjużi, entitajiet li jaħdmu biex jissalvagwardjaw l-annimali, każini tal-baned, fost oħrajn.

L-ewwel sena tal-Aġenzija Komunità Malta kienet karatterizzata minn numru ta’ sfidi u opportunitajiet. Wara l-Emendi għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-aġenzija kompliet tindirizza l-iżbilanċ soċjali li bih tfal imwielda barra ż-żwieġ ta’ missier Malti ma kinux jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija awtomatikament mat-twelid, bħal fil-każ ta’ tfal imwielda f’ċirkostanzi simili għal omm Maltija. L-att relattiv assigura wkoll li minkejja li ċ-ċittadinanza tista’ tingħata bi dritt permezz ta’ reġistrazzjoni, tali għotja ssir kondizzjonali għal kunsiderazzjonijiet li huma fl-interess pubbliku.

Matul l-2021, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ffinalizza l-ipproċessar ta’ 1,563 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ persuni bħala ċittadini Maltin. Applikazzjonijiet bħal dawn jikkonċernaw persuni li għandhom id-dritt li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija abbażi ta’ dixxendenza, u b’hekk igawdu d-dritt ta’ moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea. L-iktar nazzjonalitajiet b’persuni li kisbu ċ-ċittadinanza bir-reġistrazzjoni kienu Brittaniċi, Awstraljani, Amerikani, Kanadiżi u Franċiżi.

Sport