Thursday, April 18, 2024

10% tal-Budget għall-istabbilità tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils

Aqra wkoll

“Il-Gvern qed jalloka 10% tal-Baġit 2023 sabiex isostni l-istabbilità tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils biex il-familji u n-negozji ma jerġgħux jgħaddu mit-tbatijiet ekonomiċi kkawżati miż-żieda fit-tariffi fl-2008.”

Waqt żjara fiż-żona tal-Andrijiet, fil-limiti tar-Rabat, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat l-inizjattivi tal-Gvern għal Budget tal-2023. Flimkien mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta, il-Ministru Dalli żaret it-tlestija ta’ proġett maġġur li wassal għal titjib fil-kwalità tas-servizzi tal-ilma, d-drenaġġ u l-elettriku għal 120 familja li jgħixu f’din iż-żona. 

Fl-2022 u 2023, il-Gvern qed jalloka madwar €1 biljun biex inaqqas l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet tal-fjuwil sabiex jiżgura stabbilità għall-familji u n-negozji. Il-Ministru Dalli spjegat kif il-Gvern qed jinvesti proporzjon daqstant sostanzjali tan-nefqa pubbliku biex jgħin is-settur tal-enerġija, għaliex jirrikonoxxi l-importanza ta’ l-stabbiltà fil-kontijiet tal-enerġija għat-tkabbir ekonomiku u kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Bejn l-2008 u 2012, Malta għaddiet mill-problemi li qed jiffaċċjaw pajjiżi oħrajn illum, meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien għolla t-tariffi biex iwieġeb għal żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt. Din iż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienet tfisser li l-familji u n-negozji kellhom joħorġu €100 miljun aktar minn bwiethom. Riżultat ta’ dan, l-ekonomija ħadet daqqa ‘l isfel, il-qgħad żdied u l-familji batew bl-għoli tal-ħajja u problemi oħrajn.

“Irridu nkomplu niżguraw ekonomija b’saħħitha u kwalità ta’ ħajja aħjar. Għal dan il-Gvern iċ-ċertezza u l-istabbilità m’humiex biss slogan, imma l-politika li nwettqu bil-qalb, kuljum, f’kull deċiżjoni li nieħdu,” qalet il-Ministru.

Biex nilħqu stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Gvern mhux qiegħed biss jalloka l-miljuni f’għajnuna, iżda qed jara li jindirizza din is-sitwazzjoni b’mod ħolistiku.  Matul l-aħħar disa’ snin, il-Gvern investa fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, li issa qed juża bl-aħjar mod biex inaqqas l-impatt tal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-elettriku. “Kieku Malta iddependiet biss fuq l-elettriku mill-Interconnector, kieku illum qedgħin hawn inħabbru żieda fil-kontijiet tal-enerġija. Minflok, qed noffru ċertezza u stabbiltà,” żiedet tgħid il-Ministru. “Fl-istess waqt, qed niksbu eżenzjonijiet minn miżuri Ewropej, bħal tnaqqis mandatorju tal-gass, wara li kkonvinċejna lill-Kumissjoni Ewropeja li dawn l-azzjonijiet ma jħallux impatt pożittiv fuq il-familji f’Malta.”

€5.5 miljun għas-servizzi tal-ilma u l-elettriku fl-Andrijiet

Waqt li qed tiżdied in-nefqa biex tinżamm l-istabbiltà fil-kontijiet tal-enerġija u l-ilma, il-Gvern kompla jinvesti b’mod sħiħ fl-infrastruttura tal-ilma, d-drenaġġ u l-elettriku biex titjieb il-kwalità ta’ dawn is-servizzi.  Fil-Andrijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma utilizzat Fondi Ewropej biex wettqet proġett ta’ €4.7 miljun li jgħaqqad żoni rurali man-network nazzjonali tad-drenaġġ, filwaqt li tejbet is-sistemi tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb. Għal snin twal, 120 familji f’din il-komunità kienu jiddependu fuq fosos quddiem djarhom, li mbagħad kienu jitbattlu bil-bowsers. Ta’ spiss kienu jfuru u jwasslu għal ħsarat ambjentali, intejjen u problemi ta’ saħħa. Fl-istess waqt, l-Enemalta investiet mat-€800,000 f’dawn l-akwati, sabiex tneħħi l-wires fuq arbli li kienu jwasslu l-elettriku f’dawn l-inħawi, sabiex minflokhom għaddiet cables ta’ vultaġġ għoli taħt l-art. B’hekk, tejbet l-affidabilità tas-servizz, b’mod speċjali meta jkun riħ qawwi u maltemp. 

€52 miljun f’tisħiħ tas-sistemi tad-distribuzzjoni fl-2023

Dan l-investiment infrastrutturali fl-entitajiet tal-ilma u l-enerġija se jkomplu fl-2023.  Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tippjana li tlesti diversi proġetti maġġuri li jammontaw mal-€37 miljun. Fost oħrajn, dawn jinkludu pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma u katusi tad-drenaġġ. L-Enemalta se tkompli għaddejja bil-proġett tat-tisħiħ tal-grid tal-elettriku, b’investiment ta’ €90 miljun f’sitt snin. Din is-sena se twettaq b’kemm jiswew €15-il miljun proġetti ta’ titjib f’din is-sistema tad-distribuzzjoni f’diversi lokalitajiet oħra. 

€28 miljun fi skemi għall-enerġiji rinnovabbli konnessi mal-grid

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif il-Baġit 2023 se jkompli jwassalna pass ieħor lejn il-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-2050, hekk kif qed jiddedika €28 miljun fi skemi li jinkoraġġixxu aktar familji u negozji jinvestu f’sistemi t’enerġija rinnovabbli, bħal pannelli fotovoltajiċi għal fuq il-bjut. “F’diversi laqgħat tal-Kunsill tal-Enerġija tal-UE, nagħmilha ċara kif ma għandniex inħallu l-kriżi internazzjonali tal-enerġija twaqqafna milli nkomplu nilħqu l-miri ambjentali tagħna. Anzi bil-kuntrarju, dawn l-isfidi għandhom iħeġġuna naħdmu aktar u nallokaw aktar riżorsi biex nilħqu l-objettivi tal-klima u s-sostenibbiltà kemm jista’ jkun malajr,” spjegat il-Ministru Dalli.

Ninkoragixu aktar sistemi t’enerġija rinnovabbli offshore

Il-Baġit 2023 jafferma wkoll l-impenn tal-Gvern li jaddotta teknoloġiji t’enerġija rinnovabbli offshore. Is-sena d-dieħla l-Gvern ser jistieden lis-settur privat biex jinvesti f’sistemi t’enerġija rinnovabbli fl-ibħra Maltin. Dan filwaqt li jkompli jaħdem fuq l-istudji u l-permessi meħtieġa għall-iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u l-Italja, investiment ta’ €160 miljun biex iżid is-sigurtà tal-provvistà tal-pajjiż, filwaqt li jipprovdi aktar kapaċità addizzjonali u reżiljenza sabiex il-pajjiż jilqa’ għall-varjazzjonijiet tas-sistemi t’enerġija solari u tar-riħ li għandna llum u li jista’ jkollna fil-futur.

Sandro Craus, is-Sindku tar-Rabat, Karl Cilia, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Jonathan Cardona, Kap Eżekuttiv ta’ Enemalta, akkumpanjaw lill-Ministru Dalli matul din iż-żjara, fejn iltaqgħu ma’ uħud mir-residenti li qed jibbenefikaw mill-proġetti tal-ilma u l-enerġija fl-Andrijiet.

Ekonomija

Sport