Statistika uffiċjali tal-Gvern Ingliż turi li kważi 100 reat relatat mal-abbuż domestiku ġew irreġistrati mill-pulizija kull siegħa bħala medja s-sena li għaddiet. Biex jirrispondi għal dil-problema il-gvern se jinkorpora speċjalisti dwar l-abbuż domestiku f’999 kamra tal-kontroll madwar l-Ingilterra u Wales bħala parti mill-wegħda li jnaqqas bin-nofs il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fi żmien għaxar snin.
Il-miżura hija parti mill-“Liġi ta’ Raneem” b’tifkira ta’ Raneem Oudeh ta’ 22 sena u ommha Khaola Saleem li kienu ġew maqtula mir-raġel Oudeh fl-2018. Il-gvern ħabbar dan il-proġett pilota ta’ ordni ta’ protezzjoni għall-abbuż domestiku bilgħan li żżomm lil persuni li jabbużaw biex jibqgħu ‘l bogħod mill-vittmi billi jimponi sanzjonijiet ħorox jekk jonqsu milli jagħmlu dan.
Is-Segretarju tal-Intern Yvette Cooper qalet li l-vittmi jeħtieġ li jkunu jafu li l-pulizija se tkun qegħda hemm għalihom u jekk jiġu ’l quddiem, kwalunkwe rapport se jiġi ttrattat bis-serjetà u l-urġenza li jixraqlu.
L-għan tal-liġi l-ġdida huwa li speċjalisti b’għarfien espert fl-abbuż domestiku jkunu disponibbli fil-kmamar tal-kontroll biex jiżguraw li l-vittmi jiksbu rispons immedjat mill-uffiċjali fuq il-post u jiġu riferuti malajr għas-servizzi ta’ appoġġ.
L-iskema se tkun tikkonsisti f’forzi tal-pulizija magħżula mill-bidu tas-sena d-dieħla. Dettalji dwar liema forzi se jkunu qed jieħdu sehem fil-proġett pilota għadhom ma tħabbrux, iżda Yvette Cooper iddeskriviet il-miżuri l-ġodda bħala “vitali” u “prijorità personali għaliha”.
Fil-lejl li nqatlu Oudeh u ommha, hija ċemplet lin-999 diversi drabi, iżda l-uffiċjali naqsu milli jilħqu ż-żewġ nisa fil-ħin. B’kollox għamlet 13-il rapport lill-pulizija dwar tħassib għas-sigurtà tagħha iżda ma saru l-ebda arresti sakemm kien tard wisq. Inkjesta sabet li żbalji tal-pulizija ikkontribwew materjalment għall-imwiet tagħhom.
Qraba tal-vittmi laqgħu din il-miżura u qalu li jkun hemm speċjalisti tal-abbuż domestiku fil-kmamar tal-kontroll issalva l-ħajjiet billi tiżgura li l-ebda sinjali ta twissija ma jiġu injorati.
Fi sforz ieħor biex jipproteġi n-nisa u l-bniet, il-gvern ħabbar ukoll liġi ġdida ta’ ordni ta’ protezzjoni għall-abbuż domestiku li se tiddaħħal fis-seħħ f’Novembru.
Il-pulizija diġà għandha s-setgħa li tordna legalment lil min jabbuża biex ma jikkuntattjax jew ma jersaqx sa ċerta distanza tal-vittmi sa 28 jum. Bil-liġi l-ġdida mhu se jkun hemm l-ebda limitu ta’ żmien massimu għall-ordnijiet u se timponi tikkettar elettroniku tat-trasgressuri kif ukoll il-kundizzjoni li jinnotifikaw lill-pulizija bi kwalunkwe bidla fl-isem jew l-indirizz.
L-ordnijiet il-ġodda se jkopru l-forom kollha ta’ abbuż domestiku inklużi l-vjolenza u l-imġieba bla kontroll. Il-ksur ta’ ordni jkun reat kriminali punibbli sa ħames snin ħabs.
Il-vittmi u organizzazzjonijiet tal-karità se jkunu wkoll jistgħu japplikaw direttament għal ordni, aktar milli jkollhom jiddependu fuq il-pulizija u l-qrati kriminali.
L-ordnijiet il-ġodda għall-protezzjoni tal-abbuż domestiku se jkunu ppilotati minn uffiċjali fil-Pulizija ta’ Greater Manchester, il-Pulizija Metropolitana u l-Pulizija tat-Trasport Brittaniċi.
L-organizazzjoni tal-karità Refuge, li tappoġġja lis-superstiti tal-vjolenza domestika, laqgħet il-bidliet iżda appellat għal ħafna aktar dettall dwar kif dawn il-pjanijiet se jiġu implimentati.