11-il persuna maqtula fi sparatura f’dar fl-Afrika t’Isfel

Aqra wkoll

Mill-inqas 11-il persuna nqatlu fi sparatura tal-massa f’bini residenzjali qrib il-belt ta’ Durban, fl-Afrika t’Isfel. Irġiel armati daħlu bil-forza f’dar fiż-żona ta’ KwaMakhutha nhar  it-Tlieta u fetħu n-nar fuq 14-il persuna. Għaxra minnhom mietu fuq il-post u erba’ oħra ttieħdu l-isptar, fejn waħda minnhom mietet ftit wara kawża tal-ġrieħi li ġarrbet. 

Skont il-pulizija tal-lokal, uħud mill-vittmi kienu qed jiġu sorveljati b’rabta ma’ attivitajiet illegali li dettalji dwarhom ma setgħux jiġu żvelati  sabiex jiġu protetti l-investigazzjonijiet li nbdew.

Għalkemm il-motiv wara din l-isparatura għadu mhix ikkonfermat, il-pulizija qalet li ma tistax teskludi l-possibbiltà ta’ tilwima bejn gruppi rivali.

L-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju tindika li 13-il raġel u mara – li huwa maħsub li kienet tqila – kienu qed jagħmlu festin ġo dar meta waslu tliet irġiel u fetħu n-nar fuqhom. Il-mara tinsab fost dawk li nqatlu f’din l-ispartura.

Ġrnalist televiżiv lokali mill-istazzjon eNCA, li kien fuq il-post, qal li l-aggressuri taw in-nar u qerdu għal kollox vettura li kienet tappartjeni lil waħda mill-vittmi qabel ma ħarbu minn fuq il-post.

L-Afrika t’Isfel għandha waħda mill-ogħla rati ta’ omiċidju fid-dinja, b’dejta tal-pulizija li turi rata ta’ omiċidju ekwivalenti għal aktar minn 60 mewta kuljum.

Fl-aħħar ġimgħat, l-iskoperta makabra ta’ mill-inqas disa’ nisa maqtula – b’uħud mill-iġsma jinstabu mormija mal-ġenb tat-triq – żiedet it-tħassib fil-pajjiż. Is-sena l-oħra, disa’ persuni nqatlu fi sparatura tal-massa f’ħanut tax-xorb f’Johannesburg.

Ir-rivalità bejn gruppi kriminali – imħeġġa minn ġlied għall-kontroll tat-territorju, traffikar tad-droga u tħaffir illegali – hija komuni fl-Afrika t’Isfel u spiss tixpruna l-vjolenza fi ħdan il-komunitajiet.

Fi Frar, il-President Cyril Ramaphosa stqarr li l-kriminalità organizzata kienet “l-aktar theddida immedjata għad-demokrazija, is-soċjetà u l-iżvilupp ekonomiku tal-poplu”, hekk kif ħabbar li kien se juża l-armata biex tassisti lill-pulizija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport