Tuesday, May 14, 2024

11-il proġett jirċievu total ta’ €340,000 bħala parti mill-Programme Support Scheme

Aqra wkoll

Ħdax-il proġett differenti bbenefikaw minn total ta’ €340,000 bħala parti mill-Programme Support Scheme li hija skema amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti u għandha l-għan ewlieni li tkun ta’ għajnuna lill-artisti sabiex jinħolqu iżjed programmi innovattivi li jinkludu produzzjonijiet, esebizzjonijiet, wirjiet, u festivals, bl-impenn fil-kultura komunitarja u taħriġ.

Matul il-preżentazzjoni li saret għall-benefiċjarji ta’ din l-ewwel sejħa tal-iskema, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-impenn ta’ dan il-gvern li joħloq ekosistema kulturali sostenibbli.  Huwa qal li dan it-tip ta’ skemi huma essenzjali biex isaħħu s-settur kulturali li hu kruċjali għal soċjetà li verament tivvalorizza l-kreattività u l-innovazzjoni.

“Nifhem ix-xogħol iebes u d-dedikazzjoniji tal-artisti li jqattgħu sigħat twal biex iżommu l-kultura tagħna ħajja, u permezz ta’ dawn l-iskemi, inkunu qed nassistuhom fil-prattika”, sostna l-Ministru Bonnici.

Id-Direttur tal-Strateġija u l-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi faħħret il-benefiċjarji u rrimarkat dwar il-livell għoli ta’ applikazzjonijiet li rċevew.

“Sena wara sena, qed ninnotaw li l-proġetti sottomessi għall-għajnuna finanzjarja qed ikunu dejjem iktar avventurużi u kuraġġużi filwaqt li jesploraw attivitajiet ġodda, u din hi xi ħaġa li tawgura tajjeb għas-settur. Nixtieq inħeġġeġ aktar artisti biex jitolbu l-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti, biex jesploraw id-diversi riżorsi u opportunitajiet biex ikomplu jikbru”, tenniet is-Sinjura Cauchi.

L-għaqdiet li se jibbenefikaw minn din l-skema  huma l-YMCA, MADC, Teatru Salesjan, Centrestage Malta, Epiclectic Ltd, Charles Paul Azzopardi, Żugraga Dance Organisation, Glen Calleja, Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

L-ewwel sejħa tal-Programe Support Scheme tkopri l-programmi li jsiru bejn Mejju u Novembru tal-2023. Din is-sejħa, li għalqet fit-23 ta’ Frar 2022, hija waħda minn tliet sejħiet mifruxa matul is-sena 2022.

Din hija parti minn Resilience Strand u għandha l-għan biex tiffaċilita aktar l-għajnuna finanzjarja u toffri sigurtà u kollaborazzjonijiet. Toffri wkoll involviment innovattiv tal-udjenza, żvilupp tal-ħiliet u akkwist ta’ servizzi loġistiċi, filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ telf relatati mas-saħħa pubblika jew materji relatati.

It-tieni sejħa se tkun miftuħa sal-31 ta’ Mejju 2022, u r-riżultati għandhom jitħabbru fid-9 ta’ Awwissu 2022. Għal iktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Kunsill Malti għall-Arti fuq 2334 7230 matul il-ġimgħa bejn id-9:00am u l-4:00pm jew permezz ta’ email fuq [email protected], jew iżur is-sit www.artscouncil.mt.

Sport