Monday, May 13, 2024

11-il xahar ħabs għal Somalu li seraq minn diversi ħwienet

Aqra wkoll

Somalu ta’ 30 sena mingħar residenza fissa ġie kkundannat 11-il xahar ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu f’għadd ta’ serqiet fuq medda ta’ ftit ġimgħat.

Ahmed Mooge Ahmed wieġeb ħati li nhar is-16 t’Ottubru 2023, bejn il-11.00 a.m. u nofsinhar, kien kompliċi f’serqa li seħħet minn ħanut fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. 

Huwa ammetta wkoll li nhar id-29 ta’ Novembru li għadda, ġewwa stabbiliment fi Triq Ħal Luqa, Raħal Ġdid, seraq mobile għad-dannu ta’ persuna oħra. 

Ahmed wieġeb ħati wkoll li nhar it-8 ta Diċembru li għadda laqa’ għandu ‘bank card’ meħuda b’qerq u pprova jużaha f’ħanut u spiżerija fil-Gżira. 

Akkużi oħra kontrih jgħidu li huwa kellu sikkina fil-pussess tiegħu u li rrenda ruħu riċediv b’diversi sentenzi tal-Qrati tal-Maġistrati li saru definittivi u li ma jistgħux jinbidlu.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Ahmed ikkonferma l-ħtija tiegħu anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha kif ukoll wara li ġie spjegat lilu n-natura u s-serjetà tar-reati li kien jinsab mixli bihom. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset il-gravità tal-akkużi u l-fedina penali tiegħu li xejn mhi waħda feliċi. Qieset ukoll il-fatt li huwa ma kienx ikkopera mal-Pulizija waqt l-interrogazzjoni u ma rritorna xejn minn dak li seraq. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li nstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, kien ikkundannat għal 11-il xahar priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €116.47ċ.

Sport