Wednesday, July 24, 2024

115-il avukat u 2 prokuraturi legali ġodda jingħataw il-warrant

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippreżenta l-warrants lil 115-il avukat u 2 prokuraturi legali ġodda wara li dawn urew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.

Filwaqt li awguralhom, il-Ministru Attard enfasizza li dan it-tragward m’għandux ifisser it-tmiem tal-perkors edukattiv. “L-iżvilupp professjonali huwa aspett importanti sabiex inkomplu naraw il-professjoni u l-karrieri rispettivi tagħna jkomplu jissaħħu. Ninsabu f’mument importanti għas-settur tal-ġustizzja fejn il-Gvern għaddej b’ħidma fuq diversi riformi leġislattivi sinifikanti,” saħaq il-Ministru Attard.

Il-ministru kompla jispjega kif se jiġi implimentat tibdil fil-kamp kriminali fosthom fejn jidħlu l-kumpilazzjonijiet u l-inkjesti maġisterjali. Qal li wara ż-żieda bla preċedent fl-għadd ta’ maġistrati, issa hemm 4 Maġistrati ffukati fuq l-inkjesti.

Il-Ministru Attard semma wkoll il-ħidma li qed issir fir-rigward tar-riforma meħtieġa fil-Qorti tal-Familja. “L-involviment tal-pubbliku kien parti importanti fl-istrutturar ta’ din ir-riforma meħtieġa wara aktar minn 20 sena, u fiż-żmien li ġej ser inkunu qed nersqu quddiemkom b’konsultazzjoni pubblika. Minn hawn inħeġġiġkom tipparteċipaw u taqsmu l-ħsibijiet tagħkom”, temm jappella l-Ministru Attard.

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo, mill-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech u l-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali Dr Gerald Bonello.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler, l-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati kif ukoll dawk tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali.

Ekonomija

Sport