Monday, March 10, 2025

12-IL SENA TA’ GVERN LABURISTA… GARANZIJA TA’ AKTAR KISBIET

Aqra wkoll

Bħal-lum 12-il sena il-poplu Malti u Għawdex ħareġ fit-toroq jiċċelebra r-rebħa Laburista. U bir-raġun kellu għalxiex jifraħ, għaliex minn dakinhar bdiet it-triq għall-avvanzi politiċi, soċjali u fuq kollox ekonomiċi, u riformi u libertajiet ċivili li qatt ma konna naħsbu li setgħu jitwettqu f’pajjiżna.

Min-naħa l-oħra, f’dawn l-aħħar 12-il sena, Gvern Laburista ma kienx nieqes mill-isfidi li kellu jaffaċċja. Sfidi li wħud minnhom kellhom anke konsegwenzi xi ftit jew wisq negattivi. Fosthom it-tqegħid ta’ Malta fil-lista l-griża, u taqlib politiku li wassal għal elezzjoni bikrija u saħansitra anke għal bidla fil-kariga ta’ Prim Ministru. 

B’danakollu, kontra kull kurrent u sfidi, anke dawk internazzjonali, Gvern Laburista għal darba wara l-oħra rajnieh iqum għall-okkażjoni u baqa’ reżiljenti, fejn kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, dejjem ġab l-ewwel l-interess nazzjonali. 

F’dawn l-aħħar snin, rajna wkoll kisbiet soċjali kbar li għenu l-aktar lill-pensjonanti u lil dawk vulnerabbli. Rajna tibdil fil-liġi tal-IVF biex aktar koppji jsiru ġenituri. Rajna iktar inċentivi li attiraw investiment lejn pajjiżna u b’hekk setgħu jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol tant li llum pajjiżna huwa bl-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Kisbiet soċjali oħra kienu marbuta mal-għajnuna mogħtija lill-first time buyers biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom, iż-żieda kull sena fil-pensjonijiet u allowances oħra fosthom l-istipendji għall-istudenti, u l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għall-vulnerabbli.

Ma naqsux ukoll kisbiet f’dawk li huma libertajiet ċivili li tejbu l-ħajja ta’ bosta nies fosthom iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Tul dan iż-żmien pajjiżna kellu jikkumbatti ma’ żewġ kriżijiet kbar bħalma kienu l-pandemija tal-Covid-19 u aktar riċenti l-gwerra fl-Ukrajna.

Tajjeb li nsemmu wkoll kif Gvern Laburista wassal biex il-pajjiż sar ta’ suċċess, reżiljenti għal sfidi kbar, waqt li wettaq kisbiet kbar fil-ġlieda kontra l-qgħad, l-inugwaljanza u l-faqar. Ninnutaw ukoll kif l-ekonomija ta’ pajjiżna rduppjat u bħala medja t-tkabbir ekonomiku kien sitt darbiet aktar dak osservat fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, bit-tkabbir ekonomiku kien l-aktar ġej mis-servizzi professjonali, finanzjarji u diġitali.  

Ma nistgħux ukoll ma napprezzawx il-miżuri li ttieħdu tul dawn l-aħħar 12-il sena biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq fl-istess waqt li jitħares l-ambjent, b’aktar ftuħ ta’ spazji ġodda f’bosta lokalitajiet.

Dak kollu li sar f’dawn l-aħħar snin nemmnu li huwa garanzija għall-ġejjieni ta’ pajjiżna. Għalhekk, il-ġejjieni mhux biss jidher imma se jkun sabiħ fejn kulħadd se jkompli jkollu kull opportunità li jimraħ fejn irid biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport