Ilna snin ngħidu li lill-Maltin u lit-turisti li ikla jew ħarġa f’restorant mhijiex biss l-ikel, iżda hija esperjenza sħiħa, merħba ġenwina, servizz personali u tbissima. Ilna snin ngħidu li rridu nibnu settur fuq il-kwalità ta’ servizz. Issa, iżda, l-istess settur li bena l-prodott tiegħu fuq il-kuntatt uman qed jgħidilna li robot jista’ jieħu post il-wejter. Imma jekk ineħħu lill-bniedem mill-ospitalità, x’jibqa’ mill-esperjenza li tant niftaħru biha?
Issa, iżda, qed nisimgħu argument differenti. Qed jingħad li r-robots jistgħu jintużaw bħala wejters biex titnaqqas id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq ħaddiema barranin. Qed jiġi suġġerit li l-klijent jista’ jagħmel l-ordni permezz ta’ sistema teknoloġika, filwaqt li robot iwassallu l-ikel fuq il-mejda.
Imma jekk il-prodott li ilna nirreklamaw huwa “l-esperjenza”, fejn se tibqa’ dik l-esperjenza? Fejn se jkun is-servizz personali? U fejn se tkun it-tbissima?
Robot jista’ jerfa’ piż tqil jew iwettaq xogħol ripetittiv u jaf ikun aktar effiċjenti iżda żgur ma jistax jgħatti servizz personalizzat, jinduna li koppja qed tiċċelebra anniversarju. Ma jistax jikkalma familja li sabet problema fl-ordni. Ma jafx jispjega l-ikel b’passjoni, jirrakkomanda nbid jew jiftakar lill-klijent li reġa’ żar l-istess restorant darba wara oħra. Żgur li ma jistax jagħmel il-klijent apprezzat u milqugħ.
Din mhijiex kwistjoni ta’ nostalġija jew ta’ biża’ mit-teknoloġija. Aħna l-ħaddiema u t-trejdunjins m’aħniex kontra l-progress. It-teknoloġija tista’ u għandha tintuża biex tnaqqas ix-xogħol fiżikament tqil, ittejjeb is-saħħa u s-sigurtà, tagħmel l-organizzazzjoni aktar effiċjenti u produttiva u tagħti aktar ħin lill-ħaddiema biex joffru servizz aħjar. Iżda hemm differenza fundamentali bejn teknoloġija li tassisti lill-ħaddiem u teknoloġija li tintuża biex tieħu postu.
Il-mistoqsija li trid issir hija għaliex tant nies ma jridux jidħlu fis-settur tal-ospitalità jew jitilqu minnu wara żmien qasir? Għaliex setturi oħra jattiraw aktar haddiema? Huma l-ħinijiet anti-soċjali? X’inhuma l-pagi meta mqabbla ma’ setturi oħra? X’tip ta’ sigħat qed jintalbu jaħdmu? Kemm hu faċli għal ħaddiem li jippjana l-ħajja tal-familja tiegħu meta l-iskeda tinbidel kontinwament? Hemm opportunitajiet reali ta’ taħriġ u progress fil-karriera? Il-ħaddiem huwa meqjus bħala professjonist, jew bħala spiża li għandha titnaqqas kemm jista’ jkun?
Jekk xogħol ma joffrix paga xierqa, kundizzjonijiet dinjitużi, stabbiltà u prospett ta’ karriera, in-nuqqas ta’ ħaddiema huwa riżultat ta’ għażliet ekonomiċi u settorjali.
Il-GWU ġustament sostniet li r-robots mhumiex is-soluzzjoni għall-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità. Qalet ukoll li huwa importanti u meħtieġ li ninvestu f’pagi aħjar, kundizzjonijiet dinjitużi, taħriġ u opportunitajiet ta’ karriera. Jekk irridu nattiraw u nżommu n-nies f’dan ix-xogħol, jeħtieġ nagħmlu s-settur tassew attraenti u sostenibbli.
Ma nistgħux nibqgħu nsejħu lill-ħaddiema “l-akbar riżorsa importanti tagħna” però naraw l-ħaddiema bħala spiża u naraw kif innaqqsu l-preżenza tagħhom mal-ewwel opportunità.
Lanqas għandna nħallu din id-diskussjoni tinbidel f’attakk fuq il-ħaddiema barranin. Dawn il-ħaddiema ġew Malta biex jaħdmu u ħafna minnhom qed iwettqu xogħol diffiċli, b’sigħat twal u ’l bogħod mill-familji tagħhom. Minn perspettiva trejdunjonistika, id-drittijiet m’għandhomx jiddependu fuq in-nazzjonalità. Ħaddiem Malti u ħaddiem barrani li jagħmlu l-istess xogħol għandhom ikunu intitolati għall-istess paga ġusta, l-istess protezzjoni u l-istess dinjità. Il-GWU dejjem saħqet li l-valur ta’ xogħol għandu jkun li jiddetermina l-paga.
Is-soluzzjoni għad-dipendenza tal-ħaddiema barranin mhijiex li nbiddlu lill-ħaddiema f’robots. Hija li noffru impjiegi ta’ kwalità b’kundizzjonijiet xierqa u paga diċenti lil kull min jaħdem fih, ikun minn fejn ikun.
Huwa faċli ngħidu li robot huwa innovazzjoni. Huwa ferm aktar diffiċli ntejbu l-pagi, ninvestu fit-taħriġ, nagħtu vuċi lill-ħaddiema u nibdlu settur b’rata għolja ta’ turnover għal wieħed li joffri karrieri u stabbilità.
L-ospitalità mhijiex sempliċiment il-platt tal-ikel. Hija esperjenza ħafna akbar. Hija relazzjoni bejn il-persuna li tilqa’ u dik li tiġi milqugħa. Hija professjoni magħmula mill-għarfien, mill-paċenzja, mill-komunikazzjoni u, iva, mit-tbissima. Għalhekk il-mistoqsija mhijiex jekk għandniex nużaw ir-robots. Il-mistoqsija hija x’tip ta’ settur irridu nibnu. Settur ta’ kwalità gholja jew settur tal-fast food.
Irridu settur li jara lill-ħaddiem bħala spiża żejda. Il-ħaddiem bhalla numru li jista’ jiġi eliminat? Jew wieħed li juża t-teknoloġija biex jgħin lill-ħaddiema jagħtu servizz aħjar, f’kundizzjonijiet aħjar u b’aktar dinjità?
Jekk verament nemmnu li Malta ghandha jkollha t-turiżmu ta’ kwalità u li joffri esperjenza u mhux sempliċiment ikla, it-tweġiba għandha tkun ċara: robot ma jista’ qatt jibdel il-bniedem.




