Wieħed mill-aktar elementi innovattivi tal-Politika ta’ Aftercare għat-Tfal fil-Kura Alternattiva huwa l-introduzzjoni tal-Garanzija tal-Aftercare. Din il-garanzija tikkonsisti f’sett komprensiv ta’ miżuri ta’ politika mfassla biex jipprovdu appoġġ konsistenti u aċċessibbli lil dawk li jitilqu mill-kura f’oqsma ewlenin, inklużi l-edukazzjoni u l-impjieg, is-saħħa u l-benesseri, l-akkomodazzjoni, l-assistenzja finanzjarja u r-relazzjonijiet. Għalhekk, il-Garanzija tal-Aftercare għandha l-għan li tagħmel ċert li ż-żgħażagħ li joħorġu mill-kura jħossuhom kunfidenti, appoġġjati u lesti għall-passi li jmiss fil-ħajja.
Permezz tal-Garanzija tal-Aftercare, kull żagħżugħ/a fil-kura se jingħataw mentor meta jagħlaq 15-il sena, jew meta jħossu lest. Mentor huwa adult ta’ fiduċja li jiggwida u jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ, jgħinhom jippjanaw għall-futur u jappoġġjahom biex jitgħallmu ħiliet għall-ħajja, jesploraw passatempi, jagħmlu ħbieb, isaħħu r-relazzjonijiet u ħafna aktar.
Id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika b’rabta ma’ din il-politika tnieda lbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Dr Michael Falzon. Din il-konsultazzjoni toffri opportunità għall-partijiet interessati u ċ-ċittadini kollha biex jikkontribwixxu għat-tiswir tal-futur tas-servizzi ta’ aftercare.
Fl-istess politika jintqal li l-mentor se jagħti appoġġ liż-żagħżugħ jew żagħżugħa qabel u wara li jagħlaq 18-il sena biex:
- Joħloq il-Pjan Personali tiegħu li juri l-għanijiet, il-ħolm, affarijiet li jixtieq jitgħallem u fejn jixtieq jgħix fil-futur.
- Jitgħallem jew ikollu xogħol stabbli.
- Ikollu aċċess għal tobba, dentisti u sevizzi tas-saħħa mentali biex jieħu ħsieb saħħtu u l-benesseri tiegħu.
- Jirċievi għajnuna bil-flus għall-ispejjeż ta’ kuljum bħal ikel, kera jew trasport. Xi flus se jingħataw meta jagħlaq 17-il sena sal-età ta’ 21 sena. Il-Mentor se jkompli jgħallmu kif juża l-flus bil-għaqal u jiffranka għall-futur.
- Ikollu post fejn joqgħod u l-affarijiet essenzjali li għandu bżonn.
- Jibni jew iżomm relazzjonijiet mal-familja u l-ħbieb.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Michael Falzon spjega li l-politika tagħmel enfasi fuq approċċ personalizzat u hi dimostrazzjoni ċara tal-impenn tal-Gvern li jiżgura li ż-żgħażagħ li jitilqu mill-kura ma jitħallewx jinnavigaw il-ħajja adulta waħedhom.
“L-iskop ta’ din il-politika huwa li tgħinek, tagħmel bidla radikali, biex inti tkun hemm barra, tintegra ruħek u tgħaddi għal ħajja adulta mingħajr skossi żejda u tagħtik l-aħjar opportunità biex tilħaq il-potenzjal tiegħek,” qal il-Ministru Falzon.
Il-konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-Politika ta’ Aftercare għat-Tfal fil-Kura Alternattiva se tibqa’ għaddejja sal-aħħar t’Ottubru li ġej.

