Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield saħaq fuq l-importanza tar-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà waqt il-ftuħ tal-wirja ‘PRESON – Presence Beyond the Walls’ li issa tinsab miftuħa għall-pubblika f’MUŻA, fil-Belt Valletta.
Il-kelma PRESON hija maħluqa mill-kliem prison u person u tirrifletti l-messaġġ ċentrali tal-wirja: li wara kull persuna li tinsab fil-ħabs hemm bniedem, bi storja, esperjenzi, talenti u potenzjal. “Wara l-ħitan tal-ħabs hemm persuna,” qal il-Ministru Bedingfield, filwaqt li enfasizza li l-fatt li persuna tkun qed tiskonta sentenza m’għandux ifisser li tintilef il-persuna li hemm wara dik is-sentenza.
Il-Ministru qal li l-ħitan ta’ faċilità korrettiva jistgħu jillimitaw il-moviment fiżiku, iżda m’għandhom qatt jillimitaw il-kreattività, l-edukazzjoni, id-dinjità umana u l-possibbiltà ta’ bidla. “Il-ħabs m’għandux ikun biss post fejn persuna sservi sentenza. Għandu jkun ukoll post fejn persuna tingħata l-opportunità li tinbidel u tipprepara ruħha għal ħajja differenti,” qal il-Ministru.
Huwa spjega li l-viżjoni tal-Gvern għas-settur korrettiv hija waħda li tgħaqqad is-sigurtà mar-riabilitazzjoni, permezz ta’ investiment f’ambjent korrettiv aktar modern u sigur, iżda wkoll f’aktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u appoġġ għall-persuni li jkunu qed jiskontaw sentenza.
Il-Ministru saħaq li r-riabilitazzjoni mhijiex biss dwar iż-żmien li persuna tqatta’ fil-ħabs, iżda wkoll dwar dak li jiġri wara. “Ir-riabilitazzjoni ma tispiċċax mal-bieb tal-ħabs. Tfisser li persuna tingħata l-ħiliet u l-appoġġ biex terġa’ tibni ħajjitha, issib opportunitajiet u tagħmel għażliet differenti,” qal Glenn Bedingfield. Huwa enfasizza wkoll ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet volontarji u tal-NGOs f’dan il-proċess, kemm waqt iż-żmien li persuna tkun fil-faċilità korrettiva kif ukoll fil-perjodu ta’ reintegrazzjoni tagħha fis-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, Mario Cutajar, chairman ta’ Heritage Malta qal “Din hija wirja interessanti ħafna, wirja li tilħaq l-għanijiet ta’ Muża. Hemm nies wara l-ħitan ta’ Kordin, iżda b’din il-wirja tidher ċar li l-ħsieb tagħhom imur lil hinn minn dawk il-ħitan. Ħarġu minn ġo fihom is-sentiment u dak li jħobbu, dan huwa dak li hi Muża u dak li għalih inbeda l-Biennale.”
Ix-xogħlijiet artistiċi li qed jiġu esebiti fil-MUŻA huma r-riżultat ta’ proċess artistiku u edukattiv li beda fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u kompla permezz tal-proġett Floating Fragments fil-Malta Biennale 2026.
Permezz ta’ din il-wirja, ix-xogħlijiet qed jagħmlu pass ieħor importanti hekk kif joħorġu mill-ambjent korrettiv u jidħlu fi spazju kulturali nazzjonali miftuħ għall-pubbliku.
Il-Ministru ddeskriva dan il-vjaġġ bħala wieħed b’sinifikat partikolari: xogħol maħluq minn persuna “ġewwa”, fi ħdan il-ħitan tal-ħabs, illum qiegħed “barra”, fil-qalba tal-Belt Valletta. Huwa qal li din il-wirja turi b’mod konkret kif l-arti tista’ tkun għodda ta’ edukazzjoni, riflessjoni u espressjoni, iżda fuq kollox turi li l-passat ta’ persuna m’għandux bilfors jiddetermina l-futur tagħha.
Il-Ministru għamilha ċara li dan ma jfissirx li tiġi minsija r-responsabbiltà għall-azzjonijiet li jkunu twettqu, iżda li s-soċjetà għandha temmen fil-possibbiltà ta’ bidla u fir-riabilitazzjoni. “Soċjetà sigura hija wkoll soċjetà li tipprova tnaqqas ir-riskju li persuna terġa’ twettaq l-istess żbalji,” qal il-Ministru, filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fin-nies, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-appoġġ.
Fl-aħħar tal-indirizz tiegħu, il-Ministru Bedingfield irringrazzja lill-persuni li ħolqu x-xogħlijiet artistiċi, lill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, lill-MUŻA u lil dawk kollha li kkontribwew biex din il-wirja tkun realtà. “Illum, dawn ix-xogħlijiet ħarġu mill-ħitan u magħhom qed joħroġ messaġġ importanti: wara l-ħitan tal-ħabs hemm persuna u kull persuna għandu jkollha l-opportunità li titgħallem, tinbidel, toħloq u, fl-aħħar mill-aħħar, terġa’ ssib postha fis-soċjetà.”

