In-Negozju f’Għawdex, X’inhuma l-passi ’l quddiem?

Jikteb Daniel Borg, Kap Eżekuttiv, Gozo Business Chamber

Aqra wkoll

Meta wieħed jitkellem fuq in-negozju f’Għawdex huwa faċli li wieħed jikkonċentra fuq l-istatistika u ħsiebijietu jiffokaw biss fuq hemm, imma naħseb li f’dan il-punt li fih qegħda s-soċjetà u l-ekonomika Għawdxija, ikun riduttiv li wieħed jieqaf biss fuq dan il-punt. Madanakollu ċerti sfidi strutturali qegħdin hemm u wieħed bilfors irid jirrikonoxxihom jekk irid jimxi ’l quddiem, jew anke jiddiskuti aspetti oħrajn marbutin man-negozju

L-Isfid Strutturali

Is-sehem ta’ Għawdex għall-Prodott Gross Domestiku Nazzjonali huwa ta’ ftit iktar minn 4%, bil-prodott gross domestiku ras imbras jilħaq kważi 60% ta’ dak nazzjonali. Minkejja t-tkabbir fl-ekonomija Għawdxija id-differenza bejn Malta u Għawdex hi waħda persistenti li minkejja l-iżviluppu kollha li saru baqgħet kważi l-istess. 

Għawdex għadu jiddependi fuq setturi bħat-turiżmu, il-kostruzzjoni, u l-ammnistrazzjoni pubblika. Għandna wkoll numru konsistenti ta’ persuni li jaħdmu f’Malta, fejn in-numru jqarreb madwar il-5000 ruħ. Dan juri li Għawdex mhux qed joffri opportunitajiet biżżejjed f’ setturi ta’ valur miżjud għoli bħalma huma s-servizzi finanzjarji, u s-settur diġitali. Imma dawn huma preżenti f’Għawdex?  

Realtajiet Ġodda f’Għawdex

Dawn ir-realtajiet huma preżenti, għalkemm mhux b’dik il-konsistenza li wieħed jixtieq. Ħafna drabi niġu affaċċjati b’mistoqsijiet bħal: ‘Jistgħu dawn is-setturi ikunu ta’ suċċess f’Għawdex?’ U r-risposta hija ‘iva’. L-eżempju tal-‘Queen Mary University of London Malta Campus’, università medika li issa ilha snin stabbilita f’Għawdex, hija eżempju ċar li dan jista’ jseħħ. 

Apparti minn hekk hawn diversi kumpaniji ta’ suċċess fis-settur diġitali f’oqsma bħal l-applikazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-proċessi tax-xogħol; marketing internazzjonali; u żvilupp ta’ software għall-użu tal-industrija tal-gaming. U s-sabiħ ta’ dawn l-inizjattivi huma li kollha huma kumpaniji lokali li bi pjaċir nara li l-fundaturi tagħhom huma kollha Għawdxin u li llum għandhom preżenza tajba fuq livell nazzjonali u wkoll internazzjonali. 

s-settur finanzjarju għalkemm b’mod iżjed limitat huwa wkoll preżenti f’Għawdex fejn illum naraw ukoll corporate service providers li jagħtu s-servizzi tagħhom fuq livell internazzjonali. Dan juri li l-potenzjal qiegħed hemm, imma hu f’idejna li nxettluh. Filwaqt li l-investiment barrani huwa importanti meta inti taħdem fuq it-talent lokali hemm iktar ċans li dawn ikomplu jinvestu fit-territorju. 

U dan iwassalni għall-mistoqsija oħra: ‘X’inhuma l-kundizzjonijiet li rridu noffru biex dawn ikomplu jistabilixxu ruħhom?’ 

Bħala Chair tal-Gozo Economic Transformation Task Force fi ħdan l-Awtorita’ għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, kelli l-opportunita’ li naħdem ma’ numru ta’ persuni oħra fuq Policy Note: ‘Framework for the Development of a Startup Ecosystem in Gozo.’  

Din in-nota tat diversi pariri b’mod ħolistiku fosthom fl-edukazzjoni; in-neċessita’ li jinħolqu incubators u accelerators, u li naraw ukoll setturi ġodda bħal medtech u anke l-unmanned aerial vehicles (UAVs) jew kif l-aħjar li nsibuhom id-droni, u l-autonomous vehicles li ġa qed naraw inizjattiva simili qed tiġi implimentata mill-Malta Public Transport f’San Lawrenz. Imma din in-nota tidħol ukoll fuq aspetti oħra bħal mod kif nistgħu nkomplu nattiraw it-talent lejn Għawdex u l-mod kif l-infrastruttura eżistenti bħal Gozo Innovation Hub tista’ tintuża b’mod aħjar.

Huwa ta’ pjaċir għat-task force li numru ta’ punti ġew inklużi fil-manifest elettorali fosthom li l-Youth4Entrepreneurship jiġi programm integrat fejn iż-żgħażagħ jistgħu ikomplu u jimplimentaw l-ideja tagħhom. 

Imma x’inhu l-Youth4Entrpreneurship? Il-Youth4Entrepreneurship huwa kuntest li nħoloq mill-Gozo Business Chamber f’tentattiv li toħloq opportunita’ liż-żgħażagħ (kemm Għawdxin, u kif ukoll Maltin, u anke barranin li jgħixu hawn) biex jesponu l-idejat tagħhom fuq Għawdex. 

L-inzijattiva bdiet mill-ħsieb li aħna bħala Chamber ma rridux naħdmu biss ma’ dawk in-negozji li huma ġa’ stabbiliti, imma rridu ngħinu biex ikun hawn ukoll intraprendituri ġodda żgħażagħ. 

Din is-sena ċ-Chamber se terġa’ tniedi wkoll din l-inizjattiva. li ma tkunx possibli mingħajr is-sapport ta’ ħafna entitajiet oħra bħal Aġenzija Żgħażagħ. L-attenzjoni prinċipali se terġa’ tkun fuq id-diġitalizzazjoni għax bħala organizzazjoni nemmnu li dan huwa settur li għandu potenzjal kbir għal Għawdex anke minħabba s-suċċess li ġa kisbu kumpaniji oħra f’dan il-qasam.

Imma x’inhu l-futur tan-Negozju f’Għawdex?

Il-futur tan-negozju f’Għawdex naħseb li huwa wieħed tajjeb anke minħabba s-suċessi miksuba f’dawn l-aħħar snin. Madanakollu dan ma għandux jeħdilna l-attenzjoni mill-isfidi li għandna quddiemna, imma li naħseb li flimkien nistgħu negħlbu. Jien nemmen li r-rwol tal-politika f’Għawdex huwa fundamentali. Il-politika nfatti kif kien jgħid Papa Franġisku hija għodda mportanti biex jintlaħaq il-ġid komuni. 

Għalhekk Għawdex ma jista’ qatt ikun territorju ta’ ġlidiet politiċi. 

Anzi, l-forzi politiċi għandhom jiftehmu fuq dawk li huma l-prijoritajiet għal Għawdex. U dan iwassalni għal diskors iktar wiesa’. 

X’għandu jkun ir-rwol tal-politika fil-futur? Għandu jkollna mudell differenti? U f’dan l-aspett naħseb wasal il-waqt li l-komunita’ f’Għawdex tagħmel riflessjoni sinċiera u fil-fond fuq dak li tixtieq għaliha fil-futur. 

Jista’ per eżempju Għawdex ikun reġjun awtonomu li jiddeċiedi hu dak li Għawdex għandu bżonn? Naħseb li l-mod ta’ kif żviluppa pajjiżna din hi riflessjoni sinċiera u f’waqtha li għandha ssir.

Biss minn naħa ta’ negozju hemm ukoll ħafna aspetti oħra li jridu jiġu indirizzati jekk irridu li n-negozju verament jimxi ‘l-quddiem. 

Dawn huma li n-negozji stess jagħrfu l-bżonn tal-bidla fosthom l-użu ta’ pjattaformi diġitali fl-operat tagħhom, il-bżonn li jaġixxu b’mod etiku u trasparenti ma’ kulħadd, il-ħtieġa li jikkunsidraw swieq internazzjonali, u li jekk huma joperaw f’Għawdex jagħrfu li dak li jagħmlu f’Għawdex qed iħalli impatt fuq l-ekonomija Għawdxija. 

U għalhekk għandhom jikkunsidraw mudelli ta’ negozju li l-inqas inħalli impatt fuq l-ambjent u li jħossu l-bżonn li jagħtu s-sehem tagħhom f’għaqdiet bħal Gozo Business Chamber, li wara kollox hi entita’ volontarja li taħdem għall-ġid ta’ kulħadd!

Kif kien jgħid Papa Franġisku, weħidna ma nistgħux naslu. 

Għandna bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd. In-negozju waħdu ma jasal imkien jekk ma jaħdimx id f’id mal-komunita’ Għawdxija li tagħha huwa parti integrali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport