Tuesday, September 8, 2026
Home Bloggers ISTITUZZJONIJIET

ISTITUZZJONIJIET

0
52

Smajna u se nibqgħu nisimgħu ħafna dwar istituzzjonijiet u kif trid tħallihom jaħdmu sew. Fil-verità, hemm ftit tassew jemmnu (jew ħadd) f’dal-prinċipju ta’ li għandek “tħallihom” jaġixxu b’mod ħieles. Jemmnu fih sakemm ikunu żguri li t-tmexxija tal-istituzzjonijiet se tiġbed il-linja li jaqblu magħha. Dan isir billi t-tmexxja tagħhom tingħata f’idejn nies li politikament/soċjalment/familjarment/professjonalment huma ħbieb tal-ħbieb  ta’ min jaħtarhom. 

Alternattiva hi li l-maħturin għat-tmexxija jkunu nies medjokri, lesti biex jaċċettaw kull suġġeriment imqanqal minn min jaħtarhom. Taħt l-amministrazzjonijiet kollha, it-tmexxija indipendenti tal-istituzzjonijiet tispiċċa problematika. Imma aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jista’ jingħad li tmexxija “dipendenti” tispiċċa hi wkoll problematika.

SKEJJEL TAS-SNAJJA

Intqal kif l-iskejjel tas-snajja, jekk jerġgħu jinfetħu, iwasslu biex l-istudenti li jkunu fihom jerġgħu jispiċċaw f’ghetto.

Skużi: jiġri hekk jekk jerġgħu jingħataw it-trattament ta’ bejn l-1987 u l-2001, meta bl-aktar mod ċar, tqiesu bħala priorità baxxa fil-pjan edukattiv tal-pajjiż, imqabbla mal-Università jew mal-iskejjel privati. L-investiment fihom waqa’ lura – it-tagħlim kif ukoll il-kurrikulu baqgħu ma jiġux immodernizzati u aġġornati – il-prestiġju li tkun student jew għalliem fihom tħalla jitmermer u jintemm. 

Fil-Ġermanja tal-lum, l-iskejjel vokazzjonali iħarrġu daqs nofs l-istudenti żgħażagħ u jgawdu prestiġju liema bħalu. Fl-Istati Uniti l-istess skejjel qed  jiksbu interess u popolarità dejjem akbar fost l-istudenti għax studji akkademiċi, barra milli saru wisq għolja fil-prezz, mhumiex jissarrfu f’impjiegi li jrendu.

F’dal-qasam, il-problema fostna dejjem kienet li gvernijiet tal-lemin qiesu l-iskejjel tas-snajja bħala postijiet tat-terza klassi. Fis-snin 60 tas-seklu l-ieħor, kienu daħħlu l-istudju tal-Latin fl-iskola sekondarja teknika ta’ Raħal il-Ġdid biex jagħmluha aktar “rispettabbli”. Fil-bidu ta’ das-seklu għalquhom, bħal ma għalqu t-tarznari. 

ATTAKKI MINN MOSKA

Il-każ taż-żunżana mgħobbija b’materjal splussiv li nstabet qrib ajruplani Ukreni fl-ajruport ta Leipzig qajjem furur – bir-raġun – fil-Ġermanja. Kieku ż-żunżana splodiet – kif ma ġarax b’ċikka – kienet tagħmel diżastru. Is-servizzi ta’ sigurtà Ġermaniżi, wara investigazzjoni profonda, ikkonkludew li ż-żunżana ntbagħtet minn aġenti Russi. Il-gvern Ġermaniż impona miżuri ta’ tpattija fuq ir-Russja. Din, waqt li ċaħdet kull responsabbiltà għal x’ġara, daħħlet il-miżuri ta’ tpattija tagħha kontra l-Ġermanja, li baqgħet tikkonferma l-appoġġ tagħha għall-Ukrajna. Qatt ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ma waqgħu daqshekk fil-baxx. Il-kanċellier Ġermaniż stqarr li ma jinsabux fi stat ta’ gwerra, imma lanqas ma jinsabu fi stat ta’ paċi.

Hemm komplikazzjoni fil-biċċa kollha: Meta kienet bdiet il-gwerra tal-Ukrajna, twettaq sabotaġġ taħt il-baħar fuq il-pajplajn li jwassal il-gass naturali mir-Russja sal-Ġermanja. Ir-Russja kienet responsabbli, intqal dak iż-żmien. Wara, instab li s-sabotaġġ kien twettaq minn kommando Ukren.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here