JISSOKTA L-INVESTIMENT FL-ISKEJJEL

Aqra wkoll

F’temp ta’ ftit ġimgħat oħra, tingħata bidu għal sena skolastika ġdida, fejn eluf ta’ studenti se jirritornaw lura għal-lezzjonijiet wara l-vaganzi tas-sajf. U l-istudenti se jkunu qegħdin isibu rinovar fl-iskejjel tagħhom u dan grazzi għax-xogħol imwettaq matul ix-xhur tas-sajf. 

Filwaqt li kien għaddej dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni, is-sistema edukattiva kompliet għaddejja anke jekk b’ritmu inqas għal dawk l-istudenti li attendew SkolaSajf. Din serviet biex ma jkunx hemm waqfien fit-tul bejn sena akkademika u oħra fl-istess waqt li l-istudenti jibqgħu viċin it-tagħlim. 

Ta’ min wieħed jinnota t-tagħlim vast li qed jiġi offrut tant li fil-jiem li għaddew tfal ta’ bejn is-seba’ u l-ħdax-il sena kellhom ukoll l-opportunità li jesploraw u jipparteċipaw f’aspetti importanti tal-kapaċità finanzjarja waqt li kienu qed jattendu SkolaSajf ta’ din is-sena. 

Nemmnu li l-edukazzjoni tibqa’ importanti għax hi ċ-ċavetta tal-iżvilupp tal-personalità. Konxju ta’ dan il-Gvern kompla għaddej bl-investiment tiegħu fl-edukazzjoni ta’ wliedna. U dan jidher mill-faċilitajiet rinovati u oħrajn ġodda li se jkunu introdotti matul din is-sena skolastika. 

Kif ġie rrapportat, sar ħafna xogħol infrastrutturali u ta’ mmodernizzar f’għadd kbir ta’ skejjel madwar Malta u Għawdex, li jinkludu faċilitajiet sportivi ġodda u swali multipurpose fost oħrajn sabiex jitgawdew mill-komunità edukattiva u f’ċertu istanzi, anke mill-pubbliku. Naturalment dan hu xogħol kontinwu fejn uħud mill-proġetti jkunu ta’ portata akbar minn oħrajn, u għaldaqstant ikun meħtieġ investiment estensiv.

L-għan ta’ dan l-investiment kollu huwa biex ikompli jinkoraġġixxi l-istudenti li jibqgħu fit-tagħlim u mhux jitilqu qabel il-waqt. Dan qed iħalli frott għaliex l-istatistika qed turi li r-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, kulma jmur qed tonqos. 

Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan kollu nemmnu li l-iskejjel m’għandhomx ikunu riġidi biss fit-tagħlim imma għandhom iservu ta’ postijiet fejn l-istudenti jieħdu pjaċir imorru. Dan jirrikjedi wkoll għajnuna kontinwa lill-edukaturi biex jaqdu l-missjoni tagħhom dejjem aħjar. 

Wieħed irid ifakkar illi l-Gvern irrikonoxxa l-impenn tal-għalliema tant li kien iffirma l-aqwa pakkett ta’ kundizzjonijiet ġodda u salarji li qatt qabel l-għalliema ma ngħataw. Dan apparti li kompliet tikber l-għajnuna lill-istudenti permezz ta’ żidiet kontinwi fl-istipendji bil-għan li jsir aktar faċli l-vjaġġ edukattiv tagħhom. 

Ninsabu wkoll konvinti li l-budget għas-sena d-dieħla li se jitressaq fi ftit ġimgħat oħra fil-Parlament se jkompli jżid l-investiment fil-qasam edukattiv u jtejjeb il-mobiltà soċjali għall-istudenti kollha ta’ pajjiżna. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport