Il-Maġija fi ħdan il-familja Owens

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Practical Magic 2

Fl-1998, kien ħareġ “Practical Magic” fejn konna rajna lil Sandra Bullock u Nicole Kidman bħala l-aħwa Sally u Gillian Owens.  Huma jkunu ġejjin minn ġenerazzjonijiet ta’ sħaħar.  Mrobbija miz-zijiet, Sally u Gillian jiġu mgħallma l-maġija prattika li tkun utli fil-konfront tan-namrat ta’ Gillian li kien abużiv.

Is-sequel hu ambjentat ħamsa u għoxrin sena wara l-avvenimenti tal-ewwel film.  In-narrattiva tkompli ssegwi l-istorja tal-familja Owens li jiffaċċjaw kriżi ġdida. 

Meta bint Sally tibda tikxef sigrieti moħbija tal-familja, il-familja Owens issib ruħha fi ġlieda multi-ġenerazzjonali biex finalment jiksru l-saħta fuq in-nisel tagħhom. Sally, Gillian, u z-zijiethom imorru r-Renju Unit biex jikkonfrontaw is-sors u jsalvaw il-ġenerazzjoni futura.

Is-sequel iżomm l-atmosfera romantika u gotika, kif ukoll il-kuluri, il-kostumi u s-sens ta’ fantasija li kienu marbuta mal-film oriġinali.  

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Susanne Bier, “Practical Magic 2” jappella l-aktar lil dawk li jħobbu l-fantasija u r-romantiċiżmu.

Ma’ Sandra Bullock u Nicole Kidman, jirritornaw fis-sequel Stockard Channing u Diane Wiest bħalha iz-zijiet eċċentriċi Frances u Bridget.  Mhux fil-kast Evan Rachel Wood li fl-ewwel film kellha l-parti ta’ Kylie, it-tifla l-kbira ta’ Sally.  Evan Rachel Wood esprimiet id-diżappunt li ma qalulhiex biex tkun fis-sequel.

“Practical Magic 2” hu kklassifikat 12A minħabba xeni ta’ thedid, dettal tal-feriti, referenza għal vjolenza sesswali.

The Death Of Robin Hood

Għal snin sħaħ, Robin Hood għex fl-immaġinazzjoni tagħna bħala l-eroj ġeneruż li jisraq mingħand is-sinjuri biex jgħin lill-foqra.  “The Death of Robin Hood” jagħżel li jinsa kważi għal kollox din il-verżjoni romantika u jurina bniedem imkisser, anzjan u mgħobbi bil-piż tal-vjolenza li wettaq.

Robin Hood (Hugh Jackman), issa m’għadux il-ġellied żagħżugħ u kariżmatiku. Fl-1247, wara snin ta’ ġlied, qtil u ħajja ta’ kriminalità, Robin jinsab midrub serjament u jipprova jaħrab mill-passat tiegħu. Meta jittieħed f’abbazija remota, isib ruħu taħt il-kura ta’ Sister Brigid (Jodie Comer). Hawnhekk il-film jibda jinbidel minn storja ta’ azzjoni għal riflessjoni aktar intima dwar il-ħtija u l-possibbiltà tal-fidwa.

L-aktar aspett interessanti tal-film huwa proprju l-mod kif id-direttur Michael Sarnoski jneħħi l-glorja mill-karattru. Dan Robin Hood ma jsostnix li kien eroj. Għall-kuntrarju, jammetti li l-vjolenza kienet parti essenzjali minn ħajtu. Għalhekk, il-film jistaqsi jekk bniedem li għamel tant ħsara jistax fl-aħħar jiksibx il-paċi, u jekk il-fidwa hijiex possibbli anki meta l-passat ma jistax jinbidel.

Il-film huwa maqsum f’żewġ partijiet differenti. L-ewwel nofs hu brutali, mimli dmija u ġlied, u jagħti stampa kerha tal-ħajja fil-Medju Evu. It-tieni nofs huwa ħafna aktar kwiet u riflessiv, b’Robin jibda jifforma relazzjonijiet ma’ nies li jgħinuh filwaqt li jibda jara ħajtu minn perspettiva differenti.

Hugh Jackman hu l-qofol tal-film. Jodie Comer hija effettiva bħala Sister Brigid.  Tippreżentalna karattru ta’ waħda kalma u ta’ kompassjoni li allura toħloq kuntrast qawwi għall-vjolenza li Robin ġarr miegħu għal ħajtu kollha. Bill Skarsgård bħala Little John u l-kast sekondarju jikkontribwixxu wkoll għal din id-dinja mudlama u mhux romantika.

“The Death Of Robin Hood” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija ta’ vjolenza u dettal tal-feriti

The Runner

Dan huwa thriller mibni fuq idea sempliċi iżda effettiva: omm għandha biss siegħa biex issalva lil binha, iżda biex tagħmel dan trid tiġri minn naħa għall-oħra ta’ Londra u tobdi kull ordni li tirċievi fuq it-telefon.

Maia Marten (Gal Gadot) hi avukata u omm ta’ tifel żgħir. Waqt li tkun qed tagħmel il-ġirja ta’ filgħodu, tirċievi telefonata mingħand raġel misterjuż li jgħidilha li binha Noah inħataf. L-ordni hija waħda: tibqa’ tiġri, ma tafda lil ħadd u tagħmel dak kollu li jgħidilha. Jekk tieqaf jew tkellem lil xi ħadd, binha jmut.

Minn hawn jibda film li jseħħ kważi f’ħin reali, b’Maia tgħaddi mit-toroq iffullati ta’ Londra, minn ferroviji u fuq pontijiet, waqt li tipprova tifhem għaliex intgħażlet u x’inhu l-għan veru tal-persuna li qed tikkontrollaha.

Id-direttur Kevin Macdonald jagħmel użu tajjeb minn Londra bħala parti integrali mill-istorja. Il-kamera ssegwi lil Maia fit-toroq, fost it-turisti, il-ħaddiema u l-ġenn tat-traffiku, u b’hekk il-belt issir karattru ieħor fil-film. Il-fotografija ta’ Anthony Dod Mantle tagħti lill-ġiri enerġija u sens ta’ urġenza.

Gal Gadot għandha rwol fiżikament esiġenti. Għal ħafna mill-film narawha tiġri, taqbeż, tiġġieled u tipprova ssib mod kif tevita l-perikli li jinqalgħu quddiemha. Madankollu, fejn il-film kellu bżonn aktar emozzjoni u profondità, l-interpretazzjoni tagħha mhux dejjem tilħaq il-livell meħtieġ. Il-biża’ u d-disperazzjoni ta’ omm li qed tipprova ssalva lil binha kultant jibqgħu aktar fuq il-karta milli fuq l-iskrin.

“The Runner” hu klassifikat 15, minħabba xeni ta’ vjolenza u ta’ theddid.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport