Il-familja, li hija l-pern tas-soċjetà, tibqa’ importanti fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan bir-raġun għaliex fil-ħajja li qed ngħixu llum kollox għadu jdur mal-istatus tal-familja kif ilu jsir minn żminijiet imgħoddija.
Minkejja l-iżviluppi li qed iseħħu fid-dinja f’kull qasam fosthom it-teknoloġija u l-għażliet li qed jagħmlu l-parti l-kbira tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, b’danakollu n-nukleu tal-familja xorta waħda jibqa’ b’saħħtu. Dan huwa rifless fil-mod ta’ kif il-membri tal-familja jfittxu lil xulxin anke meta pereżempju jiġu biex jieħdu xi deċiżjonijiet.
Fil-fatt, l-għażliet importanti li qed jagħmlu n-nies, isiru l-aktar flimkien mal-membri tal-familja tagħhom. Dan qed narawh b’mod konsistenti minn sena għal oħra, kif joħroġ ukoll mill-istħarriġ tal-Prof. Vincent Marmarà dwar l-Istat tan-Nazzjon.
Għalhekk, minn dan l-istħarriġ seta’ jiġi osservat kemm is-sehem tal-familja huwa importanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, għad-deċiżjonijiet li nieħdu, kif ukoll għall-problemi li naffaċċjaw. Dan filwaqt li l-komunikazzjoni mal-familjari għadha wkoll b’saħħitha.
Għalkemm il-midja soċjali prattikament biddlet il-mod kif aħna nikkomunikaw, u tista’ tgħid saret il-kanal ewlieni fejn isseħħ ħafna mill-interazzjoni tal-lum, aktar minn 71% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li huma l-aktar li jikkomunikaw mal-familjari tagħhom huwa wiċċ imb wiċċ. Dan ir-riżultat kien simili għas-snin preċedenti. Min-naħa l-oħra, dawk li għandhom it-tfal taħt is-16-il sena huma l-aktar li qalu li jikkomunikaw mal-familjari permezz tal-midja soċjali.
Għalhekk, il-familji jibqgħu s-sinsla u l-pedament l-aktar importanti tas-soċjetà tagħna. U b’soċjetà b’saħħitha nifhmu wkoll familja b’saħħitha. Waqt li dan kollu jinkwadra sew fil-viżjoni fit-tul li għandu dan il-pajjiż, u filwaqt li hu tajjeb li nitkellmu dwar l-isfidi moderni li jiffaċċjaw il-familji llum, jeħtieġ li naħsbu wkoll dwar x’għandu jsir aktar f’dan il-qasam u dan hekk kif il-Maltin qed jagħżlu li jkollhom inqas tfal.
Konvinti li l-Gvern se jkompli jinċentiva fejn meħtieġ kif ukoll jassisti lill-familji. L-investiment fil-familja mhuwiex biss investiment fil-preżent, iżda wkoll investiment fil-futur tal-pajjiż u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

