Monday, September 7, 2026
Home Sport Illum tintlagħab l-40 edizzjoni tas-Super Cup … bejn ir-rivali eterni Floriana u...

Illum tintlagħab l-40 edizzjoni tas-Super Cup … bejn ir-rivali eterni Floriana u Valletta

0
96

Minn Cristian Muscat

Illum tintlagħab l-40 edizzjoni tas-Super Cup li se tlaqqa’ lir-rivali eterni, iċ- champions Floriana u r-rebbieħa tal-FA Trophy Valletta.

Il-konfront bejn daawn iż-żewġ ġganti tal-football Malti huwa meqjus bħala d-Derby ta’ Malta u għal­daqstant mistennija attendenza kbira fl-Istadium Nazzjonali.

Bla dubju, din hija partita bilanċjata hekk kif id- differenza ta’ bejniet­hom fil-kampjonat hija ta’ punt wieħed biss.

Filwaqt li Floriana jinsabu fil-quċċata tal-klassifika b’10 punti, Valletta għandhom disa’ punti.

Il-Beltin jistgħu jiftaħru li huma rebħu l-aktar darbi dan l-unur b’total ta’ 13 filwaqt li Floriana żammewha darb­tejn fil-vetrini tagħ­hom.

Barra minn hekk Valletta tilfu sitt finali filwaqt li Floriana sfaw megħluba tliet darbiet. 

Din hija t-tielet finali bejniethom hekk kif rebħu waħda kull wieħed.

Kienu l-Greens li rebħu l-ewwel finali – dik ta’ nhar is-6 ta’ Ġunju, 1993 – bl-is­kor ta’ 4-1.

Kim Wright u Charles Sciberras skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Nicky Saliba wieġeb għal- Lilywhites.

Imbagħad, ir-rebħa Beltija waslet nhar is-16 ta’ Awwissu, 2011, bl-iskor ta’ 3-0 bil-protagonista jkun Michael Mifsud li rreġistra hat-trick.

Illum iż-żewġ timijiet huma armati sa snienhom u ma tkun l-ebda sorpriża jekk din il-finali tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties.

Dan minħabba li xejn ma hemm differenza bejn il-Ħodor u l-Bojod fejn il-partita tista’ tintrebaħ f’nofs il-ground … bis-surmastri­jiet ikunu  l-Ispanjol, Fede­rico Varela Escudero, għal Floriana u Brandon Diego Paiber għal Valletta.

Għaldaqstant, żball wie­ħed jista’ jkun determinanti hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players mhux se jagħtu nifs lill-avversarji rispettivi.

Il-coach Portugiż ta’ Floriana għandu rekord bilanċjat fil-kampjonat kontra Valletta meta minn erba’ partiti … rebaħ waħda, tilef waħda filwaqt li t-tnejn l-oħra spiċċaw fi draws.

Min-naħa tal-coach ta’ Valletta, Thane Micallef, li kellu żewġ avventuri magħ­hom … għandu rekord ta’ rebħa, tliet draws u żewġ telfiet kontra l-Furjaniżi.

U mbagħad waqt li kien coach ta’ Gudja United, tilef it-tliet partiti għad-dispożizzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here