Minn Cristian Muscat
Il-partitarji ta’ Liverpool f’Malta għandhom għalxiex ikunu ħerqana, hekk kif l-eks stilel tar-‘Reds’, Emile Heskey u Chris Kirkland, għadhom kemm waslu pajjiżna.
Dan l-avveniment tant mistenni se jsir għada s-Sibt, 28 ta’ Novembru, 2026, fis-7:30pm, f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa, liema avveninent huwa ‘fully booked’, u se joffri lill-partitarji lokali ta’ Liverpool l-opportunità li jiċċelebraw il-passjoni tagħhom għall-klabb Ingliż.
Heskey, eks attakkant internazzjonali Ingliż, kellu perjodu ta’ suċċess ma’ Liverpool bejn is-snin 2000 u 2004, fejn rebaħ diversi unuri prestiġjużi, fosthom l-FA Cup, il-League Cup u l-UEFA Cup fl-2001.
Min-naħa l-oħra, l-eks goalkeeper Kirkland lagħab ma’ Liverpool bejn l-2001 u l-2006, wara li ngħaqad mal-klabb mingħand Coventry City.
Iż-żewġ plejers għadhom ismijiet magħrufa sew fost il-partitarji ta’ Liverpool, hekk kif kienu protagonisti f’mumenti memorabbli matul iż-żmien tagħhom f’Anfield.
Il-partitarji Maltin tar-‘Reds’, se jkollhom l-opportunità li jilqgħu f’Malta lil dawn iż-żewġ eks plejers ta’ Liverpool, f’dak li jwiegħed li jkun serata memorabbli biex tiġi ċċelebrata l-istorja u t-tradizzjonijiet tal-klabb.
Proprju, f’kummenti esklussivi li taw lil dan is-sit mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huma qalu li qed jistennew b’ħerqa liema bħala dan l-avveniment u anke din iż-żjara tagħhom f’pajjiżna, hekk kif jinsabu konxji kemm hawn partitarji fanatiċi ta’ Liverpool f’Malta. Huma għalqu l-messaġġ tagħhom, bl-espressjoni simbolika ta’ Liverpool, You’ll Never Walk Alone – YNWA!




