Jason Mifsud ta’ 50 sena ġie kkundannat 14-il xahar priġunerija wara li ammetta li nhar it-2 ta’ Awwissu li għadda, wettaq serq ta’ flus kontanti minn karozza f’Birkirkara.
Huwa wieġeb ħati wkoll għall-akkużi li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li sar riċediv wara li kien misjub ħati ta’ diversi sentenzi mogħtija lilu mill-Qrati.
Mifsud ammetta għal dawn l-akkużi fil-Qorti li kienet preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tiegħu, il-fatt li wera koperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi, il-karattru refrattiv tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.
Ma setax jonqos li l-Qorti tinduna li r-reati minnu mwettqa ġew xprunati mill-kilba tiegħu għall-vizzju tad-droga, liema vizzju wasslu biex jikkommetti serq sabiex jiffinanzjah.
Il-Qorti tat piż kbir lir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation li hu konċernat minn nuqqas ta’ volontà tal-imputat li jindirizza l-problema akuta li hu aflitt biha kemm il-darba hu ma jkunx qed jinżamm f’ambjent kontrollat.
Mill-fedina penali tiegħu jirriżulta wkoll li huwa kien instab ħati ta’ serq diversi drabi sa mill-2006. Finalment, il-Qorti nnotat li l-imputat mhux f’pożizzjoni li jikkumpensa lid-derubat kemm tal-oġġett misruq kif ukoll tal-ħsarat ikkawżati minnuq fuq il-vettura inkwistjoni.
Kien għalhekk li l-Qorti, filwaqt li sabitu ħati, ikkundannatu 14-il xahar priġunerija u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jegħleb il-problema tad-droga.