Sunday, December 22, 2024

2.3 miljun turist żaru Malta fl-2022

Irkupru ta’ 83% fil-livelli ta’ qabel il-pandemija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’dak li huwa turiżmu, Malta riesqa b’ritmu mgħaġġel lejn iċ-ċifri reġistrati qabel il-pandemija. Fil-fatt, jirriżulta li fl-2022 waslu Malta 2.3 miljun turist, li jfisser irkupru ta’ 83% fil-livelli reġistrati fl-2019.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) bit-tema “Tourism 2022 – A Steady Recovery” li għaliha attendew stakeholders ewlenin f’dan is-settur.

Ir-riżultati juru li f’termini ta’ rkupru, filwaqt li Malta tinsab paripassu mal-medja tan-Nofsinhar tal-Ewropa, din tiżboq it-tkabbir reġistrat madwar id-dinja kollha (63%) u anke fl-Ewropa (79%).

Iċ-Chief Officer Strategic Development u Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA, is-Sur Leslie Vella

Fil-preżentazzjoni tiegħu, iċ-Chief Officer Strategic Development u Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA, is-Sur Leslie Vella, qal li r-Renju Unit baqa’ l-aqwa suq għal pajjiżna, hekk kif minnu kienu ġew xejn inqas minn 427,005 turisti.

Dan kien segwit mill-Italja bi 398,198 turist, u Franza u l-Polonja b’258,327 u 143,229 turisti rispettivament. F’termini ta’ volumi, fl-2022 is-suq Pollakk, Awstrijak, Taljan u Franċiż, qabżu n-numri tal-2019, l-istess sena li Malta rreġistrat rekord fit-turiżmu.

It-total ta’ nfiq mit-turisti fl-2022 kienet stmata li tlaħħaq iż-€2 biljun, filwaqt li n-nefqa ras għal ras kienet ta’ €880. L-akbar ammont ta’ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (909,967). It-total ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti f’pajjiżna fl-2022 kienu jammontaw għal 16.6 miljun, li jfisser żieda ta’ 8.2 miljun lejl meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Is-Sur Vella spjega li fl-2022, ħafna turisti vvjaġġaw lejn destinazzjonijiet qrib tagħhom li dan jispjega wkoll ir-riżulati miksuba mill-pajjiżi bħalma huma l-Italja u Franza. “Din it-tendenza hija mistennija li tkompli anke fl-2023 hekk kif it-turisti huma mistennija li jfittxu dejjem aktar valur għal flushom,” qal id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA.

Il-Ministru Bartolo saħaq kif dawn ir-riżultati jisimbolizzaw ir-reżiljenza profonda li kellu s-settur tal-ospitalità lokali fi żminijiet ta’ sfida. Huwa żied jgħid li l-pass li jmiss huwa li jibnu settur tat-turiżmu ibbażat iżjed fuq is-sostenibbiltà.

Il-Ministru Bartolo

“Is-sostenibbiltà hija ħtieġa mhux għażla. Irridu nifhmu dan il-prinċipju iżjed minn qatt qabel. Dan ifisser li jkollna turiżmu li jżur pajjiżna fuq firxa ta’ sena sħiħa li b’mod dirett iħalli impatt pożittiv ambjentali speċjalment bit-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-attività turistika,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef spjega kif għas-sajf li ġej qed ikunu mbassra aktar riżultati pożittivi. Dan filwaqt li l-MTA se tkompli bil-ħidma tagħha anke mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) biex tkun imsaħħa l-konnettività minn swieq ewlenin stabbiliti.

Ekonomija

Sport