Wednesday, April 24, 2024

LEJN FUTUR MINGĦAJR PAĊI!

Aqra wkoll

Għaddiet sena u ma ġara xejn biex intejbu d-dinja. Fis-sena li għaddiet id-dinja bdiet b’tensjoni li fit-tieni xahar żviluppat f’invażjoni tar-Russja fl-Ukranja. L-impatt tagħha kien wieħed qawwi u negattiv. Għalija waħda mir-raġunijiet li l-impatt kien wieħed negattiv qawwi hi li l-Ewropa ħadet direzzjoni ħażina u mxiet bħal ma qallha Biden. Għalija, d-direzzjoni li kellha tieħu l-Ewropa kien li tagħmel l-isforzi kollha biex l-ewwel twaqqaf il-ġlied fl-Ukranja, wara taħdem biex ir-Russja tirtira mill-Ukranja u wara trid tiltaqa’ mar-Russja biex tassigura futur tal-paċi.

Minflok hekk l-Ewropa mhux talli ma għamlet xejn biex inġibu l-paċi imma ħadet passi biex il-ġlied jiżdied billi pprovdiet aktar armi. Dan narawh mill-aħħar laqgħa li kellhom il-mexxeja Ewropej. Diskussjoni fuq l-armamenti u nkomplu nżidu l-ġlied.

Mhux talli hekk, imma barra li kissret l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi, fejn l-aktar li ntlaqtu kienu l-Istati Membri tagħha stess għaliex l-interess tagħhom mhux iċ-ċittadin komuni kien, imma li juru li għandhom poter. Bl-azzjonijiet tagħhom mhux talli żdied il-ġlied, il-ħsara u l-imwiet imma taħt id-direzzjoni tal-Istati Uniti reġgħet tefgħet lid-dinja fi stat ta’ gwerra bierda ħafna aktar perikoluża milli kellna fil-passat barra li qed tkisser l-idea ta’ globalizzazzjoni.

S’issa mietu eluf kbar ta’ nies komuni u nies li ġew imdaħħla f’armati u, għallanqas kif jidher s’issa, dawn l-imwiet ser ikomplu jiżdiedu tul din is-sena. Biss għal ħafna politikanti Ewropew, dawn l-imwiet ma huma xejn ħlief arma oħra għall-propoganda biex ikomplu jkabbru l-gwerer. Għalihom l-aktar ħaġa importanti hu l-poter u llum irrealizzaw li l-poter mhux kapaċi jġibuh permezz tal-ekonomija imma bil-gwerer.

S’issa ma sar, u ma jidher li ser issir l-ebda pass biex nerġgħu nersqu lejn il-paċi, għaqda, sigurtà u stabilità u prosperità. Wieħed jinnota li l-kelma paċi fl-Ewropa reġgħet ħadet l-istess fama li kellha fl-aħħar gwerra bierda. Dakinhar kull min kien isemmi l-paċi kien meqjus komunista. Illum min isemmi l-paċi meqjus li qed jissapportja lir-Russja jew iċ-Ċina. Min jikkritika lil dawn in-nies ma jirrealizzax li min jitkellem fuq il-paċi jistenna movimenti miż-żewġ naħat u mhux min-naħa waħda. Biex dan l-għan nilħquh irridu nitkellmu ma xulxin, naħdmu flimkien, nifhmu lil xulxin u l-aktar ħaġa importanti hi li nżarmaw l-armi minn kullimkien.

L-Ewropa tal-lum mhux talli ma tifhimx il-kelma paċi imma qalbtiha ta’ taħt fuq. Illum għaliha, bħal ma qal Zelenskyy ‘tuni l-armi biex niksbu l-paċi’! Mhux talli hekk imma qed inbiddlu l-Ewropa u minn post ta’ libertà, ħelsien u post fejn tieħu gost tgħix, qed nittrasferuh f’fortizza. Min-naħa bdejna nibnu swar moderni – sibna skuża tajba bl-immigranti li qed jidħlu l-Ewropa – u min-naħa l-oħra ddeċidejna li nimlewha kollha bl-armi. Il-fortizzi u l-armi ma jġibux paċi imma jżidu t-tensjoni u l-ġlied.

Barra dan qed ukoll nerġgħu nżidu l-qasma li għandna f’kull soċjetà bejn dawk sinjuri u dawk li bil-kemm għandhom għaxja ta’ lejla. Din il-qasma dehret dan l-aħħar jiem fejn is-sanzjonijiet biex ma jinxtarax aktar żejt u gas mir-Russja, tat l-okkażjoni biex il-kumpaniji tal-punent stess ta’ dawn il-prodotti isiru aktar sinjuri. Dawn il-kumpaniji mhux talli kienu sinjuri imma saru super sinjuri filwaqt li l-impatt negattiv waqa’ fuq il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar. Li niskanta hu li filwaqt li l-Ewropa, fuq istruzzjonijiet tal-Istati Uniti, ser jimponu l-prezz taż-żejt Russu m’huma ser jagħmlu xejn bien jimponu l-prezz ta’ dawn il-prodotti fil-punent u lesti jħallu liċ-ċittadini żgħar ikomplu jbatu filwaqt lil dawk li qegħdin japprofittaw ruħhom billi jżidu l-prezzijiet ikomplu jsiru sinjuri. Mhux ta’ b’xejn li dawn iċ-ċittadini reġgħu bdew joħorġu fuq strikes u dimostrazzjonijiet.

L-isfortuna hi li ħadd mill-mexxeja fil-punent mhu qed jagħmel sforz biex nersqu lejn il-paċi. Anzi! Naqbel perfettament ma dak li qal is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres dan l-aħħar: ‘I fear the world is not sleepwalking into a wider war. I fear it is doing so with eyes wide open’.

Lejn restrizzjonijiet fl-isport

L-isport mhux biss iwassal għall-popolazzjoni aktar b’saħħitha, imma jgħin biex inaqqas it-tensjonijiet fuq l-individwi u b’hekk fuq is-soċjetà. Barra minhekk hu opportunità biex in-nies jersqu lejn xulxin, ibiddlu l-ideat tagħhom u jitgħallmu jgħixu ħienja ma xulxin. Dan nistgħu narawh hawn Malta fejn qabel tista’ tgħid li l-unika sports li kellna kien biss il-futbol li kien jagħtina ċans li niltaqgħu ma ħafna nies oħra fir-raħal jew belt tagħna. Imma llum peress li daħlu attivitajiet oħra bħaż-żieda tal-popolarità tar-roti, muturi u ġiri, kull nhar ta’ Ħadd jew festi, qed naraw gruppi ta’ nies li qed jiffurmaw gruppi biex barra li jsaħħu saħħithom u jżuru aktar postijiet ta’ Malta, qed jiltaqgħu flimkien. Ħafna minnhom waqt dan, mhux l-ewwel darba li jieqfu biex jieħdu kafè jew wara jieklu flimkien. Dan hu l-punt fejn in-nies isiru jafu lil xulxin u bil-mod jidraw li jaċċettaw l-ideat ta’ ħaddieħor, jersqu lejn xulxin u jifformaw soċjetà magħquda.

Biss għall-politikanti Ewropej l-isports illum sar mezz ta’ ġlied, mezz biex juru d-differenzi li jeżistu u nkomplu inkabbruhom. Dan qed narawh issa meta qegħdin lejliet il-Logħob Olimpiku f’Pariġi. Bħalissa qed isir sforz minn dawn il-politiċi biex ma jħallux lill-atleti Russi u mill-Bellarussja jikkompetu anki mingħajr ma juru pajjiżhom.

Il-Gvern Ingliż, biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu li ma tħallix l-atleti kollha jipparteċipaw, qal li jekk inħallu lil dawn l-atleti jipparteċipaw fil-Logħob Olimpiku inkunu qed ‘noħolqu dinja ‘l bogħod mir-realta’ ta’ gwerra’. Fil-fatt dak hu li jridu n-nies komuni – dinja ‘l bogħod minn gwerra.

Imma bħal ma għidt il-politiċi Ewropej għalihom hu l-poter li hu importanti u mhux il-paċi. Dan qed narawh ukoll fil-Parlament Ewropew fejn għandek ħafna politiċi biex jimponu fuq l-Ewropa kollha l-pożizzjoni tagħhom ta’ firda u poter. Hi ħasra li dawn il-politiċi parlamentari Ewropej mhux jirrealizzaw li ċ-ċittadini Ewropej iriduhom hemm biex jaħdmu għall-paċi u prosperità u mhux ġlied u gwerer.

Jien nemmen li hu dmir tagħna ċ-ċittadini nuru li ma naqblux ma din l-istrateġija għax aħna rridu għaqda, paċi u prosperità.

Sport