Monday, May 5, 2025

20 uffiċjal ġdid fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi … 25% minnhom nisa 

Aqra wkoll

Għoxrin rekluta saru uffiċjali korrettivi ġodda wara li temmew b’suċċess ir-reklutaġġ tagħhom u ħadu l-ġurament tal-ħatra. Kwart mill-uffiċjali l-ġodda huma nisa. Il-ħatra ta’ dawn l-uffiċjali ġodda saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x- Xogħol, Byron Camilleri u tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, is-Sur Christopher Siegersma. 

L-uffiċjali korrettivi għaddew b’suċċess minn kors intensiv ta’ 16-il ġimgħa li nkluda fost l-oħrajn taħriġ akkademiku, taħriġ fiżiku u tal-ewwel għajnuna, taħriġ dwar sigurtà, tifi tan-nar u anke dwar is-saħħa mentali u riabilitazzjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda reklutaġġ ieħor bil-għan li tkompli tissaħħaħ ir-riżorsa umana fis- sistemi korrettivi. 

Sħubija f’unjin, pagi u kundizzjonijiet aħjar

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Byron Camilleri talab lill-uffiċjali korrettivi biex jibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Talabhom biex mhux biss iżommu ħabs ordnat b’tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni iżda jkomplu jtejbuh. Qal li, “matul l-aħħar snin inkisbu riżultati tajbin li wasslu biex il-ħabs ma għadux jingħaraf minn kif kien. Għalhekk bħala uffiċjali ibqgħu aħdmu biex dawk li qed jiskontaw sentenza l-ħabs jirritornaw lura fis-soċjetà bħala persuni aħjar”. 

Il-Ministru Camilleri fakkar li l-gvern mhux biss ta lill-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi d-dritt li jissieħbu f’unjin u jinnegozjaw ftehim kollettiv. Dan kollu ssarraf biex fit-tieni ftehim kollettiv li ġie ffirmat ftit ġimgħat ilu, l-uffiċjali korrettivi raw żieda fis-salarju ta’ madwar €5,000 fis-sena. 

Il-Ministru Camilleri fakkar li qabel, uffiċjal korrettiv kien obbligat jaħdem 46 siegħa fil-ġimgħa u lanqas biss kien jingħata kumpens għas-sitt sigħat żejda li kien jaħdem. Issa, bit-tieni ftehim kollettiv, il-kumpens għal kull siegħa xogħol żejda huwa ta’ siegħa, siegħa u nofs. 

Mhux biss impjieg iżda vokazzjoni…

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Christopher Siegersma, saħaq li xogħol l-uffiċjali mhux biss impjieg iżda vokazzjoni. Huma jridu jassiguraw li s-sentenza li tingħata mill-qorti titwettaq b’dinjità, rispett u ordni. Fl-istess waqt huma jridu jkunu involuti fil-proċess ta’ riforma u riabilitazzjoni. 

“Dan huwa xogħol ta’ umanità, sensittività u ta’ bilanċ bejn awtorità u rispett,” spjega Siegersma li min-naħa tiegħu fakkar li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tibqa’ toffri lill-uffiċjali opportunitajiet biex isaħħu l-ħiliet tagħhom b’taħriġ ta’ żvilupp li jsir kull sena. 

Sadanittant l-aħjar rekluta tal-kors kien Scott Sultana li kiseb l-ogħla marki fis-suġġetti mgħallma. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport