Matul din is-sena, taħt l-iskema ‘Invest’, il-Malta Enterprise rċeviet 200 applikazzjoni li l-investiment totali tagħhom jammonta għal xejn inqas minn €1.5 biljun.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri fil-Parlament waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Budget 2027 għad-dekasteru tiegħu.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Schembri qal li jrid jinkoraġġixxi aktar investiment u għalhekk ta struzzjonijiet biex l-iskema ‘Invest’, li għalqet ftit tal-ġimgħat ilu, terġa’ tkun estiża għal sitt xhur oħra sabiex jidħol aktar investiment u jinħoloq aktar ġid.
Il-Ministru kompla jgħid li l-Budget 2027 jinkludi fih inizjattivi u inċentivi għal negozji żgħar u medji. Qal li kumpanija b’fatturat li ma jaqbiżx il-miljun ewro se jibbenefikaw minn rata ta’ tassazzjoni ta’ 25% minflok 35% fuq il-profitti miżmuma fin-negozju. Dan filwaqt li l-Gvern kompla jsaħħaħ l-iskema Micro Invest.
Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar l-investiment fit-teknoloġija u qal li s-sena d-dieħla se jkunu allokati aktar minn €100 miljun għall-qasam diġitali.
Irrefera wkoll għal skema ġdida ta’ €120 miljun fejn dawk il-kumpaniji li jinvestu fid-diġitalizzazzjoni, awtomazzjoni u fi proċessi li jtejbu l-produttività, jistgħu jieħdu taħt dawn it-tip ta’ investimenti, 60% tal-investimenti li jkunu qed jagħmlu lura f’tax credits.
Barra minn hekk, is-sena d-dieħla se jkunu allokati €20 miljun oħra f’fondi Ewropej għal kumpaniji li jinvestu fit-teknoloġija u t-trasformazzjoni tal-operat tagħhom.
“L-Intelliġenza Artifiċjali għandha potenzjal li ttejjeb il-mod kif naħdmu, iżda trid tiġi applikata b’għaqal u rridu niżguraw li n-negozji jifhmu kemm il-benefiċċju kif ukoll ir-riskji marbuta mat-teknoloġija tal-AI inkluż il-protezzjoni tad-data, is-sigurtà u l-importanza tal-ġudizzju uman.
“Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed ninawguraw l-istrateġija l-ġdida tal-Intelliġenza Artifiċjali li twassalna sal-2030, fejn se naraw aktar minn 80 miżura mifruxa u kif se naraw l-implimentazzjoni aħjar u riżultati aħjar tal-Intellieġnza Artifiċjali.
“L-ambizzjoni tiegħi u tal-Gvern fejn tidħol l-AI fin-negozji tagħna hi li sa żmien 5 snin, 40% tan-negozji jkunu qed jagħmlu użu prattiku tal-AI,” tenna jgħid il-Ministru Schembri.
Huwa rrefera wkoll għal numru ta’ konferenzi li se jittellgħu pajjiżna fil-jiem li ġejjin fosthom dwar il-MedTech, il-Global Semiconductor Conference, il-PlayCon u t-TechXPO.
Barra minn hekk, il-Ministru Schembri tenna li jrid jissoka l-investiment fit-taħriġ, fit-titjib u l-ħiliet kif ukoll fit-tagħlim tul il-ħajja. Qal li f’dan ir-rigward hemm diversi skemi anke mill-Malta Enterprise.
Fil-fatt, huwa spjega li din is-sena, 11-il kumpanija bbenefikaw mill-Iskills Development Scheme b’għajnuna approvata ta’ kważi miljun ewro. Hawn appella biex aktar kumpaniji jersqu ’l quddiem u japplikaw għal skemi bħal dawn.
Fl-istess dibattitu tkellem id-Deputat Laburista Ray Abela li saħaq li l-edukazzjoni trid tiġi pari passu mal-ekonomija. Huwa rrefera fost oħrajn għall-inizjattiva AI Għal Kulħadd fejn qal li diġà rreġistraw mal-50,000 persuna għal dan it-taħriġ, bi 32,000 minnhom temmew il-kors.
“L-għan huwa li ċ-ċittadin jifhmu l-opportunitajiet u l-limitazzjonijiet tal-AI u jitgħallmu jużawha b’mod sigur u aktar responsabbli. Dan ma kienx kors b’xejn biss. Imma l-parteċipanti eleġibbli setgħu wkoll jibbenefikaw minn abbonamenti ta’ sena għal pjattaforma tal-AI,” qal Abela.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Clint Azzopardi Flores qal li f’dawn l-aħħar snin Malta kisbet suċċess ekonomiku bla preċedent. Rajna tkabbir ekonomiku qawwi. Rata ta’ qgħad fost l-inqas fl-Ewropa. Żieda fl-investiment privat u barrani.
Azzopardi Flores tenna li l-ambjent tal-klima politika globali għadu wieħed inċert. F’dan il-kuntest, huwa saħaq li l-pajjiżi li jinvestu fl-innovazzjoni se jkunu aktar reżiljenti. “Nemmen li b’dawn l-estimi qed nimxu proprju f’dik id-direzzjoni. L-investiment irid jagħti l-frott u l-inċentivi jridu joħolqu valur ekonomiku ġdid. Il-fondi pubbliċi jridu jissarrfu f’aktar kompetittività, aktar opportunitajiet u pagi aħjar.”
