Waslet l-ewwel rebħa Maltija fil-European Youth Championships tat-table tennis li qed isiru fil-belt Żvediża ta’ Malmo meta t-tim taż-żgħażagħ femminili għeleb lill-Armenja 3-2. Wara li Anthea Cutajar rebħet l-ewwel set kontra Marian Hambardzumyan, l-Armeni wettqu reazzjoni u marru 2-1 minn fuq Asya Poghosyan u Elada Gevorgjan għelbu lil Rachel Mifsud u Alice Mariani rispettivament.
Minkejja kollox, in-nisa Maltin żammew sod u Anthea Cutajar rebħet it-tieni set personali tagħha kontra Asya Poghosyan sabiex għamlithom 2-2.
Fis-set deċiżiv, Rachel Mifsud iddominat għal kollox lil Mariam Hambarzumyan tant li rebħet 3-0 u eventwalment tat ir-rebħa lit-tim tagħha.
Sadanittant fit-tieni ġurnata ta’ logħob ta’ dan it-tournament, il-cadets Maltin kellhom wirja tajba fejn kienu sfortunati li tilfu 3-2 kontra l-Latvja filwaq tli t-tim juniors tal-irġiel safa’ megħlub 3-0 kontra l-Bożnja.