Monday, December 23, 2024

25 xahar ħabs wara li ta n-nar bieb ta’ residenza fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 23 sena mingħajr indirizz f’pajjiżna ntbagħat 25 xahar ħabs wara li ammetta li ta n-nar bieb ta’ residenza fil-Ħamrun. Il-każ seħħ nhar il-5 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tal-5.15 p.m. fi Triq Alexander. 

Huwa ammetta wkoll li għamel ħsara volontarja fuq dan il-bieb, li ma taqbiżx l-€2,500, u li għamel reat waqt perjodu operattiv ta’ probation. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, innotat li ż-żagħżugħ kien ta n-nar lil bieb ta’ residenza fejn kienet toqgħod persuna li huwa kien għamel żmien jgħix miegħu. 

Mir-rapport ta’ qabel is-sentenza u mix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation jirriżulta li huwa għandu problema akuta ta’ dipendenza fuq id-droga sintetika li jidher li saret “inkontrollabbli” tant li spiċċa bla saqaf fuq rasu u mingħajr kuntatt ma’ ommu. 

Huwa spiċċa wkoll jiġi rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli minħabba l-problemi psikjatriċi marbutin mal-abbuż tad-droga sintetika u ntqal li jeħtieġ jingħata trattament psikjatriku b’mod mandatorju.

Il-Qorti żiedet tinnota li għalkemm huwa tqiegħed taħt ordni ta’ probation ma kienx qed juri l-motivazzjoni neċessarja sabiex jindirizza l-problemi li ġew riskontrati fil-qasam tal-akkomodazzjoni u l-problema tad-dipendenza fuq id-droga u lanqas fejn jidħlu l-problemi familjari.

Dan kollu fil-fehma tal-Uffiċjal tal-Probation, ifisser li ż-żagħżugħ “għandu jaħdem fuq diversi sitwazzjonijiet sabiex dan ikun jista’ jagħmel kambjamenti għall-aħjar f’ħajtu kif ukoll inaqqas iċ-ċans li jerġa’ jagħmel reat ieħor. Dawn huma s-sitwazzjoni ta’ residenza, is-sitwazzjoni m’ommu kif ukoll l-abbuż tad-droga sintetika.” 

Fl-istess waqt, il-Qorti qalet li huwa kien ammetta mill-ewwel li kien l-awtur tar-reat u li kkopera mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-każ. 

Kien għalhekk li huwa nstab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu u kien ikkundannat sentejn u xahar ħabs flimkien ma’ multa ta’ €100. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal perjdou ta’ tliet snin bil-għan li jegħleb il-vizzju tal-abbuż mid-droga.

Ekonomija

Sport